Persuni li jaħdmu fil-qasam tal-innovazzjonali kemm lokali kif ukoll internazzjonali inġabru f’pajjizna għal Malta Innovation Summit. Summit li ddiskuta l-isfidi u l-futur tas-settur.
Il-Malta Innovation Summit ttella’ mill-kumpanija NetRefer, kumpanija li fetħet f’pajjiżna fl-2005.
Timothy Buttigieg, Chief Operating Officer ta’ Netrefer spjega kif il-kumpanija għandha mal-mitt klijent internazzjonali kemm fil-qasam tat-teknologija, innovazzjoni u iGaming.
Il-kumpanija Netrefer tipprovdi software lill-kumpaniji tal-iGaming.
Buttigieg kellu kliem pożittiv għal kif is-settur tal-Gaming qed jikber f’pajjizna u aktar kumpaniji qed jagħzlu li minħabba l-qagħda ekonomika ta’ pajjizna jiftħu kumpanija tal-gaming f’Malta.
B’aktar xogħol fis-settur illum il-ġurnata l-kumpanija timpjega mat-tmenin impjegat. Iżda sa tmien snin ilu, kienu biss ħmistax-il impjegat jaħdmu fi ħdan il-kumpanija.
Waqt li kien qed jindirizza l-ewwel summit iddedikat għall-innovazzjoni organizzat, għall-ewwel darba, mill-kumpanija NetRefer, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri spjega kif fil-budget tas-sena d-dieħla, il-Gvern alloka żewġ miljuni u mitejn elf ewro għar-riċerka u l-innovazzjoni. Silvio Schembri spjega li l-fondi huma mmirati biex jgħinu lil riċerkaturi, start-ups u konsorzji fi proġetti marbuta ma’ riċerka u innovazzjoni, xi ħaġa li se tgħin għal iżjed opportunitajiet fin-negozju u l-ħolqien t’iżjed impjiegi f’pajjiżna.
‘Konna innovattivi diġà għaliex sirna l-ewwel pajjiż fid-dinja li beda juża t-teknoloġija blockchain u dan billi ċ-ċertifikati edukattivi tal-istudenti jkunu diġitalizzati permezz ta’ din it-teknoloġija’, qal Silvio Schembri filwaqt li żied li Gvern qed iħares li jħaddan din it-teknoloġija, dan permezz t’investiment f’laboratorju nazzjonali ddedikat għat-teknoloġija blockchain, fi programmi ta’ taħriġ għall-ħaddiema fis-settur pubbliku sabiex jiffamiljarizzaw ma’ din it-teknoloġija, kif ukoll li pajjiżna jkollu post iddedikat għall-blockchain biex jgħin lil start-ups jużaw din it-teknoloġija.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ NetRefer, Raphael Arnold, spjega li l-għan ta’ The Malta Innovation Summit hu li joffri pjattaforma ideali sabiex jixpruna l-innovazzjoni fuq livell lokali u internazzjonali, kif ukoll biex dawk kollha involuti f’dan il-qasam ikollhom iċ-ċans biex taħt saqaf wieħed jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, ideat, proċessi, u l-aqwa prattiċi. Il-Kap Eżekuttiv ta’ NetRefer spjega li l-idea tas-summit ħarġet mill-entużjażmu tal-ħaddiema stess fi ħdan il-kumpanija u li għandhom għal qalbhom l-innovazzjoni.
The Malta Innovation Summit hija l-ewwel konferenza tax-xorta tagħha f’pajjiżna mmirata li tixpruna l-innovazzjoni. Is-summit kien indirizzat minn għadd ta’ kelliema fosthom il-Professur Edward de Bono li qasam il-viżjoni tiegħu ta’ kif Malta tista’ tkun iċ-ċentru għall-innovazzjoni fuq livell internazzjonali.