Ġimgħa wara li ħarġet tikkritika l-miżura taż-żieda addizzjonali tal-għoli tal-ħajja, li fil-baġit issa tħabbar li se tkun qed tilħaq iżjed familji Maltin u Għawdxin, il-Malta Independent on Sunday fil-ħarġa tagħha tal-bieraħ kienet imġiegħela tikkoreġi l-editorja li kien mimli biss b’dikjarazzjoni li jiżgwidaw.
Il-gazzetta kienet obbligata tippubblika tweġiba bi dritt ta’ risposta mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, fejn ġew imgiddba l-asserzjonijiet ħżiena tal-editur tal-gazzetta bl-Ingliż.
Il-Ministeru tenna li, kontra dak li ngħad fl-editorjal tal-5 ta’ Novembru bit-titlu “Weighty on socialism, but light on vision”, il-fatt li 95,000 familja se jkunu qed igawdu mill-benefiċċju tal-COLA addizzjonali, ma jfissirx li l-familji bi problemi finanzjarji aktar milli rdoppjaw jew dubju li se jiżdiedu iżjed.
Bil-maqlub, “iż-żieda fl-eliġibilità għal tali benefiċċju, kif diġà ġie spjegat verbalment u bil-miktub lil ħafna ġurnalisti u stakeholders, qed tinbidel fil-metodoloġija użata. Il-benefiċċju issa se jibda jitħallas lill-familji kollha li għandhom dħul inqas minn dak medjan nazzjonali. Fi kliem sempliċi jfisser li kważi nofs il-familji se jkunu eliġibbli, fejn qabel kienu eliġibbli biss dawk bi dħul baxx.”
Inġibdet l-attenzjoni wkoll tal-editur tal-Independent li ma semmiex li l-benefiċċju se jvarja minn €100 għal €1,500, bl-ogħla rata tingħata lil dawk bl-inqas dħul.
Il-Ministeru wkoll semma kif il-gazzetta ġabitha ħażin dwar il-faqar f’pajjiżna u, fid-dritt ta’ risposta, irrefera għaċ-ċifri uffiċjali li joħorġu kemm mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u mill-Eurostat tal-Unjoni Ewropea.
Tal-ewwel tixhed kif il-persuni f’ċaħda materjali severa f’pajjiżna hi inqas minn terz ta’ dawk li se jibdew igawdu mill-benefiċċju addizzjonali tal-għoli tal-ħajja, waqt li r-rata tal-foqra naqset b’7% fl-aħħar sena u ta’ dawk b’arretrati u djun b’21%, kontra dak li qal l-editur tal-Independent.
L-uffiċċju tal-istatistika Ewropew ukoll juri kif dawk fil-faqar naqsu l-2022.
“Dan juri kif id-dikjarazzjonijiet tal-editur tal-Malta Independent on Sunday mhuma appoġġjati mill-ebda statistika u huma biss fehmiet li mhumiex ibbażati fuq il-fatti,” temmet tgħid id-dritt ta’ risposta tal-Ministeru.