Il-Malta Enterprise se tospita t-tielet edizzjoni tal-Istartup Festival, bejn il-ħamsa u s-sitta t’Ottubru li ġej.
Wara s-suċċess tal-ewwel żewġ edizzjonijiet, dan il-festival sar fost l-aktar attivitajiet popolari mal-imprendituri u l-innovaturi, li jiltaqgħu taħt saqaf wieħed biex jaqsmu esperjenzi u għarfien dwar startups differenti.
Il-Festival jattira mijiet ta’ negozji ġodda lokali u barranin minn diversi setturi, fosthom FinTech, logħob diġitali, kannabis mediċinali, BioTech, MedTech u l-ekonomija blu.
Din is-sena l-Festival se jsir fl-MFCC, f’Ta’ Qali.
Għall-ewwel darba, l-Istartup Festival se jkollu kompetizzjoni fejn startups ikunu jistgħu jippreżentaw il-proposti tagħhom quddiem bosta investituri u jikkompetu għal premju finali li jinkludi numru ta’ servizzi minn diversi intrapriżi, biex bihom jibdlu l-ideat tagħhom f’negozju ta’ suċċess.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia spjega li l-isartups huma kruċjali biex pajjiżna ikompli għaddej bi żvilupp sostenibbli ekonomiku.
Qal, “Il-medja ta’ impjiegi li qed jinħolqu qed iħallsu iktar minn erbgħin elf ewro fis-sena għal kull impjegat. Allura dak li qed nagħmlu huwa li niddiversifikaw l-ekonomija, fl-istes sħin nuru sens ta’ kommunità sabiex l-inizjattiva li jieħdu l-prodotti li joħolqu ġewwa pajjiżna, ikunu joħorġu barra minn pajjiżna wkoll. ”
Il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli tenniet li Malta hija dejjem miftuħa għan-negozji ġodda u l-bibien huma dejjem miftuħa għal startups innovattivi b’viżjoni għall-futur.
Qalet, “L-istartup festival ta’ din is-sena se jkun ikbar, aktar attraenti u li jirnexxilu jgħaqqad flimkien dawk li għandhom l-ideat flimkien ma investituri diffenti. Il-pjan tagħna huwa li nkompli naħdmu fid-direzzjoni li nagħmlu minn pajjiżna verament l-istartup hub li jixraqlu li jkun. ”
Għal aktar informazzjoni dwar il-Malta Startup Festival, wieħed jista’ jibgħat email fuq info@startinmalta.com.