Il-Malta Enterprise kompliet tkun proattiva fil-qasam ta’ proġetti sostenibbli bit-twaqqif ta’ Blue Med Focal Point u t-tnedija tal-kompetizzjoni SDG14.
Dawn l-inizjattivi se jkompli jiffaċilitaw u jħeġġu aktar intrapriżi u negozji biex jiżviluppaw proġetti li huma sostenibbli u li jikkonribwixxu fl-ekonomija Maltija.
Iż-żewġ inizjattivi jappoġġjaw investimenti fl-ekonomija l-blu, bħala parti mit-tranżizzjoni diġitali u ambjentali li wkoll kienet parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’.
Wieħed mill-ewwel proġetti taħt il-kappa ta’ Blue Med mill-Malta Enterprise hija l-kompetizzjoni SDG14 li se tkun qed talloka erba’ miljun ewro għall-kumpaniji li jkunu qegħdin jiżviluppaw proġetti innovattivi u sostenibbli f’dan is-settur.
Dawn il-proġetti huma l-frott ta’ ħidma b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet internazzjonali importanti fosthom l-OECD, il-Kunsill Dinji tal-Oċean, u l-Alleanza għall-Oċean Sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega kif se tkun qed taħdem din l-inizjattiva bil-għan li l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun dejjem waħda aktar innovattiva billi tisfrutta opportunitajiet ta’ negozju sostenibbli.
Il-Ministru responsabbli mill-ambjent u l-intrapriżi, Miriam Dalli sostniet l-impenn tal-Gvern Laburista lejn l-implimentazzjoni ta’ viżjoni fit-tul inkluż bis-sehem ta’ Blue Med biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ karrieri ta’ kwalità fi proġetti sostenibbli.
Aktar informazzjoni dwar dawn l-inizjattivi jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit tal-Malta Enterprise.