Ġie ffirmat memorandum of understanding bejn il-Malta Enterprise u l-IMEC, wieħed mill-aqwa ċentri tar-riċerka taċ-ċipep elettroniċi fid-dinja, bil-għan li tiġi xprunata l-innovazzjoni fl-industrija tas-semikondutturi f’Malta.
L-iffirmar mal-IMEC jimmarka l-intenzjoni li dan iċ-ċentru jikkollabora ma’ Malta u li jimbotta l-industrija b’mod partikolari l-istartups fl-oqsma tad-disinn taċ-ċipep.
Din il-kollaborazzjoni se tagħti wkoll opportunitajiet lill-istudenti fl-Università ta’ Malta u l-MCAST biex ikollhom aċċess għall-faċilitajiet tal-IMEC waqt ir-riċerka tagħhom tal-PhD u l-Masters.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega li, permezz ta’ dan il-ftehim, se jkompli tissaħħaħ l-ekosistema tal-eco-chips u s-semi-conductors.
Qal, “Bis-saħħa taċ-Chips Act li l-Unjoni Ewropea qed tmexxi ’l quddiem u anke bil-kollaborazzjonijiet li qed nagħmlu fosthom dak li ffirmajna llejla ma’ IMEC – l-akbar istitut ta’ riċerka fl-Ewropa u fost l-akbar fid-dinja – biex issir riċerka u żvilupp ta’ prodotti li għandhom x’jaqsmu ma’ semi-conductors u nanoelectronics, qegħdin inħarsu li nkomplu nsaħħu l-ekosistema lokali f’dak li għandu x’jaqsam mal-microchips u s-semi-conductors.”
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, laqa’ din l-inizjattiva u kkonferma l-ħeġġa tal-Gvern biex ikompli jinvesti f’din l-industrija.
Qal, “IMEC hi waħda mill-akbar organizzazzjonijiet fejn tidħol riċerka u innovazzjoni u dik hi proprju l-politika tagħna meta qed nitkellmu fuq diversifikazzjoni fejn irridu nimbottaw l-ekonomija ta’ pajjiżna, speċjalment fejn jidħlu l-istart-ups u anke l-competence centre fejn tidħol semi-conductor industry f’pajjiżna.”