Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet u stqarrijiet pubbliċi li saru fil-gimgħat li għaddew dwar it-tkabbir u l-futur tal-Malta Freeport, il-Malta Dockers Union illum kitbet lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni fejn talbet li tiltaqa’ magħhom biex tiġi diskussa u spjegata l-pożizzjoni tagħhom dwar dan is-suggett li ħoloq tħassib fost il-membri tal-Union.
Il-Malta Dockers Union qed isemma l-vuċi tal-mijiet ta’ ħaddiema li l-Malta Freeport huwa s-sors prinċipali tad-dħul finanzjarju tagħhom li huma membri tal-istess Union.
Il-Union spjegat li f’dawn il-laqgħat se tkun qed tinsisti li filwaqt li l-Malta Freeport għandu jibqa’ jkabbar u jiżviluppa l-attivita’ kummerċjali tiegħu skont l-esiġenzi fis-settur tat-trasbord, dan għandu jsir b’rispett sħiħ lejn ir-residenti tal-madwar u lejn l-objettivi u l-miri ambjentali ta’ pajjiżna.