Din is-sena, il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Films, organizzata mill-Malta Cine Circle, se tkun qed timmarka l-64 edizzjoni tagħha; u b’hekk, din il-kompetizzjoni hija l-aktar kompetizzjoni tal-films antika li ilha ssir f’pajjiżna, u hija waħda mill-aktar kompetizzjonijiet antiki tal-films minn madwar id-dinja.
Ftit tal-jiem ilu, il-produzzjonijiet li ħadu sehem kienu ppreżentati lill-bord tal-ġurija, u dawn huma r-riżultati:
- L-Aqwa Produzzjoni: ‘Son of God’ ta’ Bruce Micallef Eynaud
- Premju għaċ-Ċinematografija: ‘Whitebait’ meħud minn Matthew Muscat Drago
- Premju għad-Direzzjoni: ‘Son of God’ ta’ Bruce Micallef Eynaud
- Premju għall-Editjar: ‘The Ambush’ editjat minn Fabrizio Fenech
- Premju għall-Kitba ta’ Skript: ‘Nailed It’ miktub minn Chris Ciantar
- L-Aqwa Attur: Bernard Satariano, għas-sehem tiegħu fil-films ‘Nailed It’ u ‘Son of God’
- L-Aqwa Attriċi: Chanelle Cardona, għas-sehem tagħha f’ ‘The Well Tittawwalx fit-Toqba’; u
- Il-Premju Speċjali tal-Ġurija għall-Aqwa Feature: ‘The Dance’ ta’ Roy Davidson għall-fotografija
Nhar is-Sibt, 20 ta’ Lulju, fis-19:30 ġewwa s-Sala tal-Amfiteatru tal-lukanda Marriott fil-Balluta, se jsir il-wiri tal-films rebbieħa kif ukoll il-preżentazzjoni tal-premjijiet. Id-dħul hu miftuħ għall-pubbliku mingħajr ħlas.
Biex persuna tirriserva post tista’ tibgħat email fuq bookings@maltacinecircle.org jew iċċempel fuq 9946 0866.