Il-Malta Air Traffic Services irnexxilha tirdoppja l-profitt tagħha fl-2013 u kompliet fit-triq pożittiva li qabdet matul dawn l-aħħar tliet snin, fejn baqgħet tirreġistra profitt. Dan ħareġ waqt laqgħa ġenerali annwali tal-Malta Air Traffic Services (MATS) fejn ġew diskussi diversi temi marbuta mal-immaniġjar tat-traffiku tal-ajru u tal-operat tal-kumpanija inġenerali.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li dan jirrifletti l-ħidma kbira li qed issir mill-board, management u l-impjegati kollha tagħha. Il-kumpanija diġà kkommettiet mal-Unjoni Ewropeja li sal-aħħar tas-sena 2019 se tinvesti madwar €28 miljun biex issaħħaħ il-faċilitajiet u t-tagħmir li topera bih.
Kif għamlet ukoll matul it-tliet snin ta’ qabel, il-kumpanija qed tiffinanzja l-ispiża kapitali kollha mill-working capital tagħha u mingħajr il-ħtiega illi tirrikkorri għal self mingħand il-Gvern jew banek kummerċjali, kif kien jiġri fl-amministrazzjonijiet preċedenti, kompla jgħid il-Ministru Zammit Lewis.
Għal darb’oħra, il-Ministru tenna kif sar matul dawn l-aħħar sentejn, il-kumpanija Malta Air Traffic Services mhu qed tirċievi l-ebda subvention mingħand il-Gvern, anzi qed tħallas dividend ta’ €500,000 għal din is-sena li qiegħed imur fil-fond konsolidat. Dan huwa sinjal ċar tal-għaqal li qedtitmexxa bih l-istess kumpanija.
Dan il-Gvern kontinwament ifittex li jimmodernizza l-apparat operattiv u tekniku sabiex jibqa’ aġġornat fuq żviluppi li qed isiru kontinwament fis-settur tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru madwar l-Ewropa, sostna l-Ministru għat-Turiżmu.
Sa issa l-Malta Air Traffic Services kompliet xogħolha fuq il-proġett tal-Air Traffic Management (ATM) System Upgrade. Dan huwa l-akbar u l-aktar proġett kumpless li l-MATS qatt se twettaq minn żmien it-twaqqif tagħha bħala kumpanija governattiva.
Proġetti oħra jinkludu l-bini ta’ ċentru tal-kontroll ġdid għat-traffiku tal-ajru, il-bdil ta’ primary radar eżistenti ġewwa Ħad-Dingli, sistemi ta’ aeronauticalmessage handling u automated dependent surveillance broadcast—kollha inizzjattivi li jkomplu jgħinu il-kumpanija timmodernizza l-għodda tagħha biex twettaq xogħolha b’mod sikur u effiċjenti.
MATS kontinwament tikkonsidra parteċipazzjoni fi proġetti oħrajn f’kollaborazzjoni ma’ Air Navigation Service Providers (ANSPs) oħra, f’inizzjattivi iktar wiesa’ tas-Single European Sky.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu rringrazzja lill-board, partikolarment liċ-Chairman Tony Abela, il-management, – l-eks Kap Eżekuttiv Carmel Vassallo u l-Kap Eżekuttiv il-ġdid Kenneth Chircop, kif ukoll l-impjegati kollha fi ħdan il-MATS tas-suċċessi li qegħdin jitwettqu fl-industrija tal-avjazzjoni li juri l-viżjoni ta’ dan il-Gvern li jimplimenta miżuri ġodda u innovattivi biex Malta tkun minn ta’ quddiem f’dan is-settur ukoll.