Is-sena li għaddiet, il-Malta Air Traffic Services, magħrufa aħjar bħala l-MATS, għamlet irkupru b’saħħtu ta’ 70% meta mqabbla maċ-ċifri fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat l-għoxrin sena minn meta l-Gvern fetaħ din l-aġenzija, bit-tema “Managing the Future of Our Skies”, ġie spjegat kif din tipprovdi servizzi tat-traffiku tal-ajru għall-ajruplani li jtiru minn fuq il-Mediterran.
F’kummenti ma’ ONE News, id-Direttur tad-Dipartiment li jieħu ħsieb in-netwerks tal-Eurocontrol, saħaq li jinsab sodisfatt bil-prestazzjoni ta’ pajjiżna biex dan is-settur ikompli miexi ’l quddiem.
Qal, “I’m very happy to be here today because we’re going to discuss how we can improve traffic management and aviation looking at the next years. In the next years, traffic is going to continue to grow so this challenge and the meeting of today to discuss about these challenges is absolutely of main importance.”
Din il-konferenza ġabret l-imsieħba u dawk li joperaw fis-settur taħt saqaf wieħed biex jiddiskutu l-industrija u l-isfidi preżenti, bħall-gwerra fl-Ukrajna.
Qabel il-pandemija, il-MATS kienet tipprovdi servizzi lil madwar 70,000 titjira u madwar 50,000 moviment mill-Ajruport Malti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MATS, Claude Mallia tkellem dwar il-pjanijiet għall-ġejjieni.
Qal, “Illum ħa nkunu qegħdin niddiskutu mhux biss l-għoxrin sena li ilna naħdmu bħala kumpanija MATS imma ħa nkunu qegħdin naraw ukoll teknoloġiji ġodda, ambjenti ġodda, u infrastruttura ġdida li ħa tkun qed tgħinna nsaħħu dak l-operat tagħna, li qed nagħmlu bħalissa.”
Il-konferenza kienet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Aaron Farrugia li tkellem dwar soluzzjonijiet innovattivi ta’ mobilità urbana fil-futur li jilqgħu għall-isfidi.
Għal din il-konferenza attendew persuni fi professjonijiet differenti minn madwar il-Mediterran.