Ftit tax-xhur ilu, Malta Air saret is-37 linja tal-ajru li għażlet il-ġurisdizzjoni Maltija sabiex tibda topera fiha. B’hekk saret kumpanija sussidjarja tal-akbar linja tal-ajru fl-Ewropa, Ryanair.
Illum, Malta Air nediet l-iskeda għas-Sajf tas-sena d-dieħla li tinkludi sitt rotot ġodda minn pajjiżna -rotta ġdida lejn Brindisi fl-Italja darbtejn fil-ġimgħa, erbgħa rotot ġodda għas-Sajf darbtejn fil-ġimgħa lejn Nis fis-Serbja, Paphos fiċ-Ċipru, Santiago de Compostela fi Spanja u Trieste fl-Italja. Rotta oħra se tkun dik li terġa’ tibda topera lejn Trapani darbtejn fil-ġimgħa kif ukoll tiżdied il-frekwenza fuq disa’ rotot oħra li jinkludu Bari fl-Italja, Madrid fi Spanja u Marsilja fi Franza.
B’kollox, dawn se jwasslu għal 66 rotta oħra, żieda ta’ klijenti li fis-sena jammontaw sa massimu ta’ 3.1 miljun persuna u 2,300 impjieg ġdid fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Air Diarmuid O’Conghaile esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li din il-kumpanija se żżid in-network tagħha iżjed mir-rata tar-Ryan Air.
O’ Conghalie stqarr: “We’re delighted to be able to announce from our Malta base we’re growing at a rate of 6& in capacity for summer 2020. That’s a higher rate of growth from the Ryan air group. The average of the group is 4%”.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi spjega ma’ ONE News kif l-introduzzjoni ta’ dawn ir-rotot ikompli jikkonferma l-impenn tar-Ryan Air lejn Malta.
Il-Ministru Mizzi sostna: “Dan huwa vot ta’ fiduċja fil-pajjiż tagħna fejn il-Malta Air se jkollha mal-50 ajruplan jew aktar fuq il-kotba tagħha. Lil hinn minn hekk, is-sena d-dieħla nistennew l-ajruplani l-ġodda bil-kuluri tal-Malta Air.”