Qed ikompli joħloq diżgwid il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Mali biex pajjiżi Ewropej jiddeportaw lura persuni minn dan il-pajjiż li ma jkunux ikkwalifikaw għall-ażil. Il-Mali bagħat lura Franza żewġ persuni li dehrlu li ma kienux mill-Mali.
Fi stqarrija l-Gvern tal-Mali qal li dawn il-persuni vjaġġaw lejn Bamako bid-dokument Ewropew magħruf bħala ‘laissez-passez’ u mhux passaport jew dokument uffiċjali mill-Mali. Saħansitra l-Mali qal lil-linji tal-ajru biex ma jaċċettawx persuni li jkunu qed jużaw dan id-dokument.
Minkejja dan l-inċident, ftit ilu kien irrapportat li l-Mali u l-Unjoni Ewropea ffirmaw ftehim f’dan is-sens u saħansitra hemm proġett Ewropew li qed jiddentifika persuni mill-Mali li ma jkunux ikkwalifikaw għall-ażil biex jintbagħtu lura. F’Malta hawn disa’ persuni li bħalissa qed jinżammu f’ċentru ta’ detenzjoni wara li kien ikkonfermat li huma mill-Mali minn delegazzjoni li ntbagħtet apposta.