Għall-10 anniversarju mill-ftuħ tal-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja se ssir ċelebrazzjoni sħiħa mifruxa fuq ġimgħa ta’ attivitajiet immirati lejn il-familja fil-park stess bejn it-3 u d-9 ta’ Diċembru.
Dan tħabbar waqt konferenza stampa miżmuma fil-Majjistral fejn l-Onorevoli Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, Dr José Herrera indirizza lil dawk li kienu preżenti. Dr Herrera spjega li Festa Natura għandha l-għan li tiċċelebra l-10 anniversarju tal-park waqt li żżid l-għarfien tal-pubbliku ġenerali dwar miżuri ambjentali kif ukoll riċiklaġġ.
Il-Ministru Herrera ħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur il-park matul Festa Natura u japprezza is-sbuħija tal-bijodiversità ta’ Malta. Il-Ministru saħaq li din hi opportunità għalina lkoll biex napprezzaw dan il-park li jaqa’ taħt Natura 2000 billi nattendu u nipparteċipaw fl-għadd ta’ attivitajiet li se jittellgħu matul tmiem il-ġimgħa.
Nhar is-Sibt 8 ta’ Diċembru, u l-għada l-Ħadd, il-Majjistral se jinbidel f’park ta’ avventura b’varjetà ta’ attivitajiet li se jsiru fil-miftuħ u seminars edukattivi li għandhom l-għan li jżidu l-apprezzament tal-pubbliku lejn dak li għandha x’toffri l-art u kif din tista’ tiġi protetta. Tfal tal-iskola se jżuru l-park matul il-ġimgħa.
“L-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent hi kburija li qed tisponsorja din il-ġimgħa promozzjonali flimkien ma’ xogħol ieħor tanġibbli li qed isir fi ħdan il-park biex tittejjeb il-bijodiversità. Dan jinkludi afforestazzjoni, miżuri biex jintlaħqu iktar nies, tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ, kontroll ta’ speċi aljeni u tneħħija ta’ skart tal-kostruzzjoni mormi illegalment. Nittamaw li nħajru iktar nies igawdu d-diversità fihom infushom. Ċerti li dil-ġimgħa se twassal għal aktar attivitajiet interessanti fil-park immirati li jtejbu kemm il-bijodiversità kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tagħna,” spjega Darrin Stevens, Viċi Direttur tal-ERA.
Ibbażata fuq tliet fatturi: ‘tgħallem, esplora u sostni’, Festa Natura twiegħed li se tkun ċelebrazzjoni tal-ġid tan-natura u s-sbuħija naturali tal-pajsaġġ protett Malti.
L-attivitajiet se jiffukaw dwar il-persuna nnifisha u l-ambjent permezz ta’ yoga għall-adulti u għall-familji; trekking għal dawk li għadhom jibdew kif ukoll għall-avventurużi; sparar bil-qaws, għawm bil-maskla u kayaking, abseiling u zip-lining għat-tfal u l-kbar; tours gwidati bir-rota; sigħat ta’ tindif; fotografija tal-pajsaġġ u l-ħlejjaq selvaġġi; osservazzjoni tal-għasafar; u mixjiet gwidati. Biex issir enfasi akbar dwar il-fattur tas-sostenibbiltà tal-avveniment, se jitħawlu aktar minn elf siġra fil-park matul il-ġimgħa biex ifakkru dan l-anniversarju.
L-aspett edukattiv se jissaħħaħ permezz ta’ taħditiet minn esperti fuq suġġetti varji. Alfred E. Baldacchino se jmexxi taħdita dwar il-friefet, Peter Gatt dwar ir-reċipjenti tad-dud u l-benefiċji tagħhom fuq il-ħamrija, Skark Lab dwar il-ħajja fil-baħar u Greenhouse dwar il-konservazzjoni. Għal dawk li huma interessati fl-arkeoloġija u l-istorja, Dr Keith Buhagiar se jitkellem dwar il-pajsaġġ kulturali tal-park qabel l-1530 u Ghislaine Calleja se titħaddet dwar l-istorja nazzjonali u naturali tal-Park tal-Majjistral.
Il-Park tal-Majjistral jibda mir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) sal-Prajjet u x-Xagħra l-Ħamra. B’6km kosta, siti ta’ importanza storika u arkeoloġika mifruxa matulu, attivitajiet agrikoli, u ħabitats naturali vibranti, il-park hu meqjus bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali fi ħdan in-network ta’ siti Natura 2000. B’tant inħawi x’tesplora u attivitajiet fiex tipparteċipa, Festa Natura hi garanzija ta’ ġimgħa mimlija fost il-wirt naturali prezzjuż Malti.
Programm sħiħ ta’ attivitajiet jinsab fuq www.festanatura.org. Riservazzjonijiet tal-attivitajiet jistgħu jsiru mill-portal. Il-parteċipazzjoni tal-attivitajiet huma bla ħlas għal kulħadd, imma donazzjonijiet huma apprezzati.
L-attivitajiet u l-istands se jkunu miftuħin għall-pubbliku nhar is-Sibt u l-Ħadd, 8 u 9 ta’ Diċembru bejn id-9am u s-6pm.
Festa Natura qed tittella’ mill-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Bidla fil-Klima u l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll: Sammy Vella, Chairperson tal-Bord Maniġerjali tal-Park tal-Majjistral u Ghislaine Calleja, Rappreżentanta tal-Federazzjoni tal-Patrimonju tal-Parks.
Segwi ‘Il-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja’ fuq Facebook hawn https://www.facebook.com/majjistralpark.org. Għal aktar tagħrif dwar dan l-avveniment ibgħat fuq events@majjistral.org.