Għall-ewwel darba l-Main Guard fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt se tkun qed tiftaħ b’xejn il-bibien tagħha sabiex titgawda mill-pubbliku.
Dan se jsir fi tmiem il-ġimgħa li ġej.
Il-Main Guard nbniet mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt fl-elf sitt mija u tlieta u kienet isservi t’għassa għall-Palazz Maġisterjali, li jinsab faċċata.
Fl-aħħar snin, il-binja serviet bħala l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Matul il-ħakma Ingliża ġew miżbugħa l-ħitan tal-Main Guard bi tpinġijiet l-aktar fejn is-suldati kienu jieklu u jistrieħu.
Denis Darmanin, spjega li l-arti kienet waħda mill-passatempi ta’ dawn is-suldati, fejn fil-fatt hemm aktar minn tliet mitt tpinġija, li wħud minnhom instabu dan l-aħħar waqt xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr.
Dawn jinkludu karikaturi u emblemi militari. Il-Volontier Denis Darmanin stqarr: “Dak li kien jgħaddi minn moħħhom kien jispiċċa fuq il-ħitan. Bħal ma qed ngħidu dan ta’ warajna, il-Patri mqaddes li huwa famuż mal-Knisja tal-Kapuċċini tal-Floriana li kien hemm minnhom fil-Kannierja ta’ Dun Fra Krispin, li kien popolari mat-turiżmu Ingliż f’Malta”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, spjega li r-restawr tal-Main Guard jifforma parti minn viżjoni ħolistika li Heritage Malta għandha għall-Belt u ser iwassal biex sit ieħor ikun aċċessibbli għall-pubbliku.
Huwa qal, “Għamilna xogħol estensiv fl-uffiċjali tal-Mess, fl-ewwel sular, xogħol u restawr u konservazzjoni tal-pitturi li qed naraw warajna. Xogħol li sar minn l-impjegati ta’ Heritage Malta, restawraturi u l-konservaturi ta’ Heritage Malta.”