Il-binja tal-Main Guard faċċata tal-Palazz tal-President inbniet fi żmien il-Kavallieri u kienet isservi bħala l-kwartieri tal-għassiesa tal-Palazz. Din il-binja baqgħet tintuża għall-istess użu anki fi żmien l-Ingliżi.
F’dan il-palazz qed isir restawr estensiv, li jingħaqad mal-proġett tar-restawr fil-Palazz tal-President. Hawnhekk tkellimna mar-restawratur ta’ Heritage Malta Anthony Spagnol, li qal magħna kif il-parti ta’ fuq, magħrufa bħala Officers’ Mess hemm diversi tpinġijiet mal-ħajt. Hawnhekk huwa spjega magħna x’kienu jagħmlu s-suldati f’din il-binja.
Spagnol tenna, “Hawn fuq is-sular ta’ fuq kien riservat għall-uffiċjali, isfel kien hemm is-suldati u fuq kien l-uffiċjali. Ovvjament dan l-ispazju kien iservi ta’ post fejn jistrieħu, fejn ikollhom ftit rikreazzjoni bejn il-qadi ta’ dmirijithom li kien jikkonsisti fix-xogħol li kienu jagħmlu fil-pjazza, hawnhekk fil-Main Guard u wkoll ix-xogħol kommess mal-Palazz.”
Fit-tieni sular hemm madwar tliet mitt tpinġija li tpinġew bejn l-1814 u qabel l-Ingliżi telqu fl-1979. B’dawn it-tpinġijiet jirrakkontaw diversi stejjer li l-uffiċjali Ingliżi ltaqgħu magħhom f’pajjiżna.
Ir-restawratur qal, “Però mbagħad għandna xeni ta’ dak li qiegħed jiġri hawnhekk fil-Belt, ta’ dawk kif kienu josservaw dawn l-uffiċjali hawnhekk, li kienu jgħixu hawnhekk u allura għandna karattri Maltin; nisa bl-għonella, qassisin, purċissjonijiet, xi inċidenti li kienu jsiru hawnhekk fit-triq ta’ warajna, li hija Strada Stretta.”
Restawratriċi oħra qaltilna li kien hemm serje ta’ tpinġijiet, anki fuq xulxin. Intqal kif ir-restawr ilu għaddej għal dawn l-aħħar tliet snin.
Mattioli saħqet, “The paintings were completely covered and gradually I removed the layer of the wall, to do some consolidation and after the touching one is needed.”
L-għada tal-Għid u fil-Jum Internazzjonali tal-UNESCO għas-Siti u Monumenti, il-Main Guard kienet miftuħa għall-pubbliku, sabiex wieħed jara r-restawr li għaddej hawnhekk. Hawnhekk iltqajna ma’ koppja fejn qalulna kif din kienet opportunità tad-deheb.
“It is very interesting, it’s one which I’ve never been to before because it’s never been open.”
“So this is a great opportunity for us. Opportunità kbira għalina l-Maltin biex ingawdu l-wirt li għandna u li aħna probabli qas nafu bih.”