Dik li kellha tkun l-isbaħ ġurnata ta’ ħajjitha, għal din it-tfajla nbidlet fi traġedja hekk kif l-għarus tagħha tilef ħajtu fuq l-ajruplan li ġġarraf. It-tieġ tal-koppja kellhu jkun il-Ġimgħa iżda minflok il-Ħadd kienet preżenti għall-aħħar tislima lill-imħabba ta’ ħajjitha.
Dener Assuncao Braz kien wieħed mill-plejers tat-tim Brażiljan Chapecoense. Din it-tfajla kienet ilha f’relazzjoni ma’ Dener għal seba’ snin u ma tistax temmen kif ħajjitha nbidlet mill-lejl għan-nhar.
“Meta smajt l-aħbar, qalbi waqfet bħal donnu ħassejt id-dinja taqa’ fuqi. Xtaqt inmut miegħu, ridt noqtol lili nnifsi. Ma rridx ngħix mingħajru” stqarret it-tfajla.
Emozzjonata u bi dmugħ f’għajnejha, t-tfajla spjegat li l-aħħar messaġġ li rċiviet minn għand il-maħbub tagħha kien x’ħin tela fuq l-ajruplan, iżda sfortunatament ma batitlux lura. “Ma kelliex iċ-ċans li nkellmu għall-aħħar darba, u dik tweġġani wisq” fissret it-tfajla.