Mill-bidu ta’ din is-sena, ir-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei beda juża software ġdid li jqabbel u jiddetermina b’aktar preċiżjoni l-kompatibbiltà tal-organu qabel isir trapjant ta’ kilwa.
Dan is-software jirreġistra l-istorja medika tal-pazjent flimkien mat-tip ta’ demm tiegħu, snin ta’ dijaliżi u t-tissue typing għat-trapjant.
In-Nursing Officer tar-Renal Unit, is-Sur Paul Calleja, spjega ma’ ONE News li b’din is-sistema, id-demm tal-pazjenti fil-lista ta’ stennija jintbagħat barra minn Malta biex ikun eżaminat, u d-dettalji jinħażnu fis-software il-ġdid.
Fl-eventwalità li jkun hemm donatur, fejn qabel kien jintbagħat id-demm tal-pazjenti kollha fuq il-lista ta’ stennija, issa qed jintbagħat biss id-demm tad-donatur.
Calleja spjega li “Issa qegħdin nibagħtu d-demm tad-donatur biss li jiġi eżaminat fil-laboratorju u mqabbel ma’ dak id-demm li nkunu bgħatna aħna perjodikament.”
B’dan il-mod, minbarra li jitħaffef il-proċess, il-kompatibbiltà tal-organu qed tkun ferm aħjar.
Qal li “Barra l-matching tad-demm, is-software jieħu ħsieb l-age match u wkoll janalizza kemm il-pazjent ikun ilu fil-waiting list.”
Ir-Renal Unit jipprovdi wkoll servizz ta’ dijaliżi, fejn fuq erbgħa u tletin magna isiru medja ta’ tmenin ċiklu kuljum.
Ċiklu li matulu l-magna tagħmel xogħol il-kilwa, fejn tneħħi l-veleni u ilma żejjed li jkun akkumula fil-ġisem f’pazjent marid bil-kliewi.
Huma madwar tliet mija, il-pazjenti li jagħmlu użu regolari minn dawn il-magni, li bdew jintużaw is-sena li għaddiet, meta b’investiment ta’ aktar minn ħames miljun ewro, ħadu post magni li wħud minnhom kienu ilhom jintużaw mat-tmintax-il sena.
Is-Sur Calleja stqarr li bil-magni l-ġodda, il-maġġoranza tal-pazjenti marru aħjar hekk kif iħossuhom inqas għajjenin wara li jtemmu t-trattament, primarjament għaliex dawn il-magni josservaw il-pressjoni biex ma titħalliex titbaxxa’.
Calleja qal li “Dawn il-magni huma magni ta’ kwalita aħjar milli kellna qabel u jagħmlu funzjonijiet iktar jiġifieri dawn il-magni kapaċi jnaddfu d-demm minn ċertu toxins li qabel bil-magni li kellna l-antiki ma stajniex nagħmluh.”
L-għan wara dan kollu dejjem jibqa’ li bis-servizzi mogħtija jitħalla impatt pożittiv fuq ħajjet il-pazjenti, filwaqt li min jirċievi t-trapjant ikun jista’ jgħix fit-tul għas-sodisfazzjon ta’ dawk kollha nvoluti.