L-estensjoni ta’ sistema ta’ moniteraġġ għall-pazjenti tad-dijabete li għandhom bejn is-sbatax u l-wieħed u għoxrin sena biex jagħmlu monitoraġġ taz-zokkor fid-demm hija waħda rivoluzzjonarja.
Qal dan il-Konsulent Pedjatriku Dr John Torpiano wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chirs Fearne ħabbar li dak li beda bħala proġett pilota fost it-tfal, issa se jiġi estiż u jitgawda minn dawk kollha li għandhom sa wieħed u għoxrin sena.
L-estensjoni ta’ din is-sistema ta’ moniteraġġ hija waħda mill-proposti li ġew mħabbra fil-kampanja elettorali, u li fiha ntqal li din is-sistema se tingħata ukoll lill-pazjenti tad-dijabete li għandhom sa ħamsa u tletin sena u eventwalment lill-pazjenti kollha bid-dijabete ta’ tip wieħed.
Il-Konsulent Pedjatriku spjega li dan it-tagħmir huwa importanti ħafna f’sitwazzjonijiet ta’ ħajja u mewt għall-persuni bid-dijabeta tat-tip wieħed.
Torpiano tenna, “Din għamlet rivoluzzjoni fit-trattament, kemm min naħa ta’ kura tat-tfal stess jiġifieri min-naħa tagħna kif nistgħu ngħinuhom iżommu z-zokkor fil-medda normali imma għamlet revoluzzjona fil-familja fejn kellhom inqas stress jistgħu jaraw huma stess il-livell taz-zokkor proprju fi kwalunkwe ħin.”
It-tabib spjega ma’ dan l-istazzjon li ;-glucose monitors tqassmu lil aktar minn mitejn pazjent bid-dijabete li għandhom sal-età ta’ sittax-il sena.
It-tabib Torpiano qal li din it-teknoloġija moderna se tkun qed tkompli tkun ta’ benefiċċju għall-pazjenti Maltin, hekk kif hemm il-ħsieb li din is-sistema tiġi estiża wkoll lil dawk li għandhom sa ħamsa u tletin sena.
Il-Konsulent Pedjatriku qal, “Kien hemm dawk in-nies li ma kinux jafu b’din is-sistema. Fil-bidu, bħal kull ħaġa ġdida, forsi xi ftit, ma kinux jafu fiex qed jidħlu, issa li qed jużawha qed jgħidulna ma nafux ngħixu mingħajru qabel, anke aħna bħala tobba u infermiera qed ngħidu l-istess.”