11:24 – Il-Maġistrat Sultana daħlet lura fl-awla u ordnat sabiex mil-lum is-seduti jibdew jinstemgħu fil-magħluq.
11:09 – Il-Maġistrat Bridgette Sultana rtirat għal ftit minuti.
11:08 – Il-Prosekuzzjoni ma sabitx oġġezzjoni għal dan.
11:06 – Beda jinstema’ l-każ f’seduta konġunta kontra s-saċerdoti Għawdxin.
L-Avukat Difensur Michael Sciriha, flimkien mal-Avukat Angele Formosa qed jitlob sabiex il-każ jinstema’ fil-magħluq.
Fl-awla hawn preżenti l-allegat l-vittma.
10:56 – Preżenti fil-Qorti t’Għawdex hawn bosta qraba tal-qassisin, membri tal-kleru, membri tal-midja kif ukoll l-allegat l-vittma flimkien mal-Avukat tiegħu.
10:50 – Il-każ se jkompli jinstema’ quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana u mhux aktar quddiem il-Maġistrat Monica Vella.
10:27 – Illum se jkompli jixhed l-Arċipriet tax-Xagħra Mons. Karm Refalo, li mistenni jippreżenta xi provi fuq dokumenti tas-servizz tal-abbatini.
Aktar qabel – Fil-ħin li ġej mistenni jkompli jinstema’ l-każ fil-konfront taż-żewġ qassisin akkużati b’abbuż sesswali u stupru t’abbati minorenni.
ONE News kien żvela li l-Qorti Kriminali f’Malta ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, kienet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Dun Ġużepp Sultana ta’ 84 sena u Dun Ġużepp Cini ta’ 71 sena.
Fl-aħħar seduta mill-Qorti t’Għawdex xehdu fost l-oħrajn il-Kap tas-Safeguarding Commission tal-Knisja Andrew Azzopardi, bosta membri tal-kleru f’Għawdex kif ukoll l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma, li ftit tal-jiem ilu talab skuża lil kull mim safa’ vittma ta’ abbuż.
Fl-ewwel seduta fis-27 ta’ Jannar li għadda, fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Monica Vella kien xehed l-allegat l-vittma, li rrakkonta kif Dun Ġużepp Sultana allegatament abbużah sesswalment kemm fil-konfessjonarju kif ukoll fis-sala kapitulari tal-Bażilika tax-Xagħra.
L-allegat vittma xehed ukoll taħt ġurament li Dun Ġużepp Cini stuprah fid-dar tiegħu kif ukoll fil-karozza fid-dawl tax-xemx fil-kampanja.