Il-Ħamis filgħodu l-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil rrikużat ruħha fil-proċeduri li għaddejjin kontra Keith Schembri mixli li ħareġ informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lura fl-2017.
Id-difiża ta’ Schembri tablet għar-rikuża wara li l-Maġistrat serviet fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ħadmet ukoll bħala prosekutur kontra l-aħwa Alfred u George Degiorgio, li nstabu ħatja bl-omiċidju ta’ Caruana Galizia.
Il-proċeduri fil-konfront ta’ Schembri qed isiru wara li Melvin Theuma, l-intermedjarju fl-omiċidju, li ngħata wkoll maħfra Presidenzjali biex jikxef kollox, kien qal li l-allegat mandant Yorgen Fenech kien informah li Schembri kien qed jgħaddilu l-iżviluppi li kien qed ikun hemm fil-każ.
Aktar kmieni din is-sena, l-Imħallef Lawrence Mintoff, li ppresieda kawża miftuħa mill-istess Fenech, ikkonkluda li Schembri kien jattendi għal laqgħat ta’ informazzjoni meta kienet qed tiġi ttrattata l-maħfra lil Theuma, mingħajr ma ddikjara l-ħbiberija tiegħu mal-istess negozjant.
Dan anke wara li Fenech sar is-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Caruana Galizia u l-mobile tiegħu kien qed jiġi ssorveljat mis-servizzi sigrieti.