Il-Maġistrat Nadine Lia se tirrikuża ruħha mill-kumpilazzjoni tal-provi konta l-erbat irġiel akkużati bl-involviment fil-qtil ta’ Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia.
Adrian u Robert Agius magħrufa bħala tal-Maksar, George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż tressqu quddiem il-Qorti l-Ġimgħa filgħodu sabiex il-prosekuzzjoni setgħet tibda l-prosekuzzjoni fil-konfront tagħhom.
Fil-bidu tas-seduta, f’awla mgħassa strettament mill-uffiċċjali tas-Servizzi nstema’ kif Jamie Vella ma setax jitressaq hekk kif għadu pożittiv għall-COVID-19.
Ftit wara li beda s-smigħ, Jason Azzopardi, li qed jidher bħala parte civile għall-familja ta’ Caruana Galizia għamel talba formali sabiex il-Maġistrat tirrikuża ruħha minn dan il-każ.
Azzopardi stqarr li għamel din it-talba mhux għax hemm riflessjoni fuq l-integritá personali tal-Maġistrat Lia madankollu għamel dan b’rabta ma’ digriet li għamlet l-istess Maġistrat fl-2019 fil-kawża tal-Pulizija kontra Yorgen Fenech u f’numru ta’ kawżi oħra.
Fid-digriet tagħha Dr Lia kkwotat partijiet mil-liġi Maltija u Ewropea u tenniet li l-ebda klawsola msemmija fil-liġjiet ma jgħoddu għat-talba mressqa minn Jason Azzopardi.
Il-Maġistrat Nadine Lia qalet ukoll li l-partijiet ikkonċernati kellhom iċ-ċans kollu sabiex jgħarrfu lill-Prim Imħallef biex Maġistrati ma jidħlux fil-polza li biha nħatar il-Maġistrat għall-kumpilazzjoni.
Il-Maġistrat Lia tenniet li f’pajjiż li huwa diġá ppolarizzat politikament, ikun żball jekk il-partiġġjaniżmu politiku jiġi rifless fuq il-Qrati. Madankollu, qabel temmet taqra d-digriet, qalet li se tkun qed tirrakuża ruħha mill-każ mressaq quddiemha.