Il-Maġistrat Monica Vella ngħatat ċamata mill-Qorti tal-Appell minħabba “mġieba irresponsabbli” wara li uffiċjal tal-Qorti stess xehed li m’għadditlux il-fajls tal-każi li kellha quddiemha u lanqas iġġustifikat tali nuqqas, bil-konsegwenza li kkawżat dewmien bla bżonn fi proċeduri ulterjuri.
Dan ingħad mill-Imħallef Lawrence Mintoff, b’żewġ notifiki identiċi li ntbagħatu lill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Reġistratur tal-Qorti u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti u fihom tenna li l-aġir tal-Maġistrat Vella wassal biex jitħassru tliet seduti tal-Qorti tal-Appell.
“Dawn il-proċeduri qed jiġġebbdu bla bżonn, b’inkonvenjent kbir għall-partijiet involuti,” kiteb Mintoff fin-notifiki tiegħu, ibbażati fuq xhieda li ta d-Deputat Reġistratur Victor Deguara.
Mintoff ukoll ċanfar lill-Maġistrat li kienet qed iżżomm dokumenti uffiċjali fid-dar personali tagħha, kontra kull prassi.
L-Imħallef Mintoff qed jippresiedi f’żewġ kawżi fil-Qorti tal-Appell, li jinvolvu każi dwar tilwim li tressqu quddiem il-Bord tal-Kirjiet u t-tnejn ġew ittrattati oriġinarjament mill-Maġistrat Vella.
Waqt li ntalab jiġġustifika d-dewmien fil-preżentazzjoni tad-dokumenti neċessarji, id-Deputat Reġistratur Deguara spjega lill-Qorti tal-Appell li l-Maġistrat Vella m’għaddietx id-deċiżjonijiet uffiċjali tagħha lir-Reġistratur tal-Qorti, anke jekk intalbet tagħmel dan.
Qal li l-Maġistrat informathom li kienet qed tfittixhom id-dar, għax ma kinux fl-uffiċċju tagħha.
Fid-diskors tiegħu, fil-bidu tas-sena forensi, il-Prim Imħallef ukoll semma kif hi meħtieġa iżjed dixxiplina fost il-membri tal-ġudikatura, minħabba li wħud ma kinux qed jilħqu l-livell ta’ effiċjenza u ta’ sodisfazzjon mistenni minnhom.
Fl-2021, hu kien ukoll assenja l-każi kriminali u ċivili kollha li kellha f’idejha l-Maġistrat Vella fil-Qorti t’Għawdex u ttrasferiha għall-Qorti ta’ Malta, allegatament minħabba dewmien fil-proċeduri.