Il-Maġistrat Joe Mifsud illum qata’ l-aħħar tliet sentenzi tiegħu fil-Qorti ta’ Għawdex. Minn issa ’l quddiem, huwa se jkompli ħidmietu biss mill-awli tal-Qorti f’Malta.

F’ċerimonja qasira imma emozzjonanti li għaliha kien hemm preżenti, fost l-oħrajn, l-Isqof tad-Djoċesi Għawdxija Anton Teuma, avukati Għawdxin, it-tmexxija tal-Qorti ta’ Għawdex, kif ukoll martu Maria, il-Maġistrat Mifsud għamel l-aħħar diskors mill-awla. Huwa tkellem dwar kif tista’ titjieb il-ġustizzja f’pajjiżna.

Semma wkoll l-esperjenza xejn sabiħa li għadda minnha fl-aħħar xhur, meta kien qed jieħu l-kura fl-Isptar Mater Dei, u iżża ħajr lill-bosta li awgurawlu l-fejqan.
Huwa rċieva rigali ta’ tifkira mingħand l-avukati, l-istaff tal-Qorti, u pulizija. Bħalaringrazzjament, huwa ta donazzjoni għall-familji Għawdxin fil-bżonn u żewġ bukketti tal-fjuri: wieħed lill-Madonna Ta’ Pinu u l-ieħor għal fuq il-qabar tal-qassis Għawdxi Dun Mikiel Attard, Serv ta’ Alla li miet fl-2004 bdiet il-kawża biex jiġi ddikjarat Beatu.

Il-Maġistrat Mifsud wettaq l-ewwel xogħol marbut mal-ġustizzja f’Għawdex fl-2015 u f’seba’ snin iddeċieda 5,708 kawża li minnhom kien hemm 531 kumpilazzjoni.