Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja qalet li m’għandu jkun hemm ebda investigazzjoni dwar il-Maġistrat Joe Mifsud. Dan b’rabta ma’ allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu li kienu ppubblikati għall-ewwel darba fit-Times of Malta. B’reazzjoni l-Maġistrat Mifsud kien ħa numru ta’ passi bil-għan li toħroġ il-verità u wieħed minnhom kien li jitlob lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tinvestiga. Iżda, minn dak li rat il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tul il-proċeduri li għalihom saret referenza fir-rapport oriġinali li fih saru l-allegazzjonijiet ikkonkludiet li lanqas kien hemm raġuni għaliex tibda l-investigazzjonijiet fil-konfront tal-Maġistrat Mifsud.
Fuq il-Kummissjoni tpoġġi l-President tar-Repubblika, ġudikanti, il-kamra tal-avukati u rappreżentanti taż-żewġ partiti politiċi.
Il-każ imur lura għal Novembru tas-sena li għaddiet.
F’seduta f’kawża li kienet qed tinstema’ Għawdex xhud bl-isem ta’ Victoria Doerr għamlet allegazzjonijiet fil-konfront ta’ ċertu Anthony Fenech. Skont hi, dan Anthony Fenech kien ivvinta permezz ta’ SMS, li kien għamel xi xogħlijiet fir-residenza tal-Maġistrat Mifsud. Skont dak irrappurtat fit-Times of Malta qalilha kif waqt dan ix-xogħol tkellem mal-Maġistrat fuq kwistjoni ta’ kustodja. Dan kollu spiċċa rrappurtat bi prominenza minn Ivan Camilleri.
Il-Maġistrat Mifsud ċaħad mill-ewwel u beda jinsisti li l-kawża tkompli tinstema’ b’mod immedjat. Dan għax ried jingħata l-opportunità immedjata li jiċħad bil-ġurament u jispjega l-fatti kollha tal-każ kif jafhom hu.
Investigazzjoni tal-programm Xarabank kienet uriet b’mod immedjat li r-rapport ta’ Camilleri kien ibbażat fuq gidba hekk kif Fenech għamel ix-xogħol fil-komunità tiegħu ma’ Dar Arka.
Fr Michael, Assistent Direttur ta’ Dar Arka, ikkonferma kif il-probation officer kien kellmu biex jaċċetta lil Fenech jagħmel ix-xogħol tiegħu fil-komunità.
Fr Michael qal li Dar Arka fetħet dar għal persuni b’diżabbiltà fl-istess kumpless fejn il-Maġistrat Mifsud għandu appartament u din il-persuna ħadmet fid-dar għal persuni b’diżabbiltà. Ta’ dan Fr Michael wera provi u dokumenti.
Eventwalment irriżulta wkoll mill-provi fil-Qorti wara li xehed l-istess Maġistrat Mifsud li dak kollu li ngħad fil-konfront tiegħu ma kienx minnu.
Jirriżulta li hemm pieni ibsin għal min joħloq allegazzjonijiet fil-konfront ta’ ġudikant. Il-liġi tgħid li “kull min jinġurja jew jhedded imħallef, jew l-Avukat Ġenerali, jew maġistrat, jew ġurat, waqt li jkun jagħmel jew minħabba li jkun għamel id-dmirijiet tiegħu, jew bil-ħsieb li jbeżżgħu inkella li jinfluwixxi fuqu kontra l-liġi fid-dmirijiet tal-kariga tiegħu, jeħel, meta jinstab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn disa’ sa 18-il xahar u għal multa ta’ mhux inqas minn €500 u mhux iżjed minn €1,500.”
Artiklu ieħor tal-liġi jgħid li jekk l-iskop tal-inġurja jkun li jtellef jew inaqqas il-ġieħ ta’ dak li kontra tiegħu tkun ġiet magħmula, il-piena hija l-priġunerija minn 12-il xahar sa sentejn u għal multa ta’ mhux inqas minn €700 u mhux iżjed minn €2,500.