Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima jħabbar li l-Maġistrat irtirat Dennis Montebello ġie maħtur mill-Gvern Malti bħala Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, dan skont il-provvedimenti u biex jaqdi l-funzjonijiet indikati f’Kapitlu 439 tal-liġijiet ta’ Malta dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Il-Ministru José Herrera rringrazzja lis-Sur Emanuel Buhagiar tal-ħidma importanti u d-dedikazzjoni li wera tul it-terminu kollu tal-kariga tiegħu, filwaqt li awgura lill-Maġistrat irtirat Montebello li jkompli joħloq aktar sinerġija bejn l-imsieħba soċjali, il-Kunsill u d-Direttorat, dan bl-għan li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-partijiet konċernati.
Dan il-Gvern qiegħed juri biċ-ċar li t-trattament xieraq tal-annimali huwa qasam li fih irridu nkomplu nibnu u ntejbu fuq dak li diġà wettaqna. Kien dan il-Gvern li fl-2014 waqqaf l-attivitajiet taċ-ċirkli bl-annimali, ġew implimentati pieni aktar robusti, żidna l-allokazzjoni tal-fond dwar il-ħarsien xieraq tal-annimali, saru diversi kampanji ta’ informazzjoni fl-iskejjel u attivitajiet oħra sabiex inkomplu nkattru aktar għarfien dwar it-trattament xieraq tal-annimali, qiegħdin inħallsu għas-servizz ta’ veterinarju għal kull annimal li hemm fis-santwarji kif ukoll riċentament emendajna l-liġi fejn ġiet illegali li xi ħadd jorbot kelb bħala mezz primarju għaż-żamma tiegħu. Dan filwaqt li komplejna ninvestu fir-riżorsi u s-servizzi offruti mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali.
Il-Maġistrat irtirat Dennis Montebello gradwa bħala avukat fl-1971 u ġie maħtur bħala Maġistrat fl-1980 fejn baqa’ jservi sal-2006. Fl-2017 kien ġie maħtur bħala Chairman tal-Kumitat Ornis.
Ritratt: MESDC