“Mhux qed nara għala għandi nastjeni minn jeddi”.
Din kienet ir-risposta tal-Maġistrat Gabriella Vella meta, fl-ewwel lok, il-President tal-Partit Laburista, rappreżentata mill-Avukati Pawlu Lia u Ryan Ellul, staqsiet jekk l-istess Maġistrata tħossx li għandha tastjeni minn jeddha biex tisma’ l-kawżi fil-kwalità tagħha ta’ uffiċjal reviżur, li fetaħ il-Partit Nazzjonalista biex mal-100 persuna, li ngħataw post tal-Housing minħabba sitwazzjonijiet diffiċli ferm f’ħajjithom, ma jivvotawx is-Siġġiewi fejn issa għandhom l-indirizz tagħhom.
Meta l-Maġistrat Gabriella Vella m’astjenietx minn jeddha, il-Partit Laburista talab formalment biex tirrikuża ruħha minn dawn il-proċeduri.
Il-Partit Laburista spjega li din id-deċiżjoni, li se tagħti tirrigwarda voti fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
L-istess Maġistrat stess involviet ruħha f’kontroversja politika meta għalqet l-inkesta tal-Vitals proprju fil-jum li fetħu l-applikazzjonijiet għan-nomini tal-kandidati tal-Parlament Ewropew wara erba’ snin u nofs li kienet ilha miftuħa.
L-istess inkjesta kienet imtappna wara serje ta’ leakages fil-midja soċjali minn esponenti tar-Repubblika u l-Partit Nazzjonalista kif ukoll meta Robert Aquilina kien jaf u kien preżenti barra r-residenza tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, meta l-Maġistrat kienet ordnat tfittxija fir-residenza tiegħu fil-preżenza tal-familja tiegħu.
Fid-dawl ta’ dawn il-fatti kollha, il-Partit Laburista argumenta li ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tidher li qed issir.
Qalet, “Dan kollu jitfa’ dubji raġjonevoli fuq dak li seħħ. Allura fid-dawl ta’ dan kollu minħabba li dawn jittrattaw voti għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, il-Partit Laburista fl-ewwel lok talab biex il-Maġistrat minn jeddha tastjeni milli tisma’ dawn il-kawżi. Il-Maġistrat qaltilna li ma tarax li għandha għalfejn tastjeni. Fit-tieni lok m’astjenitx, allura l-Partit Laburista staqsa għal rikuża tal-Maġistrata.”
Madankollu, il-Maġistrat Vella ċaħdet it-talba biex tiġi rikużata minn dawn il-kawżi u ġġustifikat dan billi, permezz ta’ digriet mogħti fl-awla, qalet li t-talba mressqa minn Dr Ramona Attard mhijiex ġustifikata u b’hekk ma jistħoqqx li tiġi milqugħa.
Kien għalhekk li l-Maġistrat ordnat li jibdew jinstemgħu l-provi f’dawn il-kawżi.
Fost dawk li ttellgħu jixhdu kontra persuni biex ma jivvotawx fis-Siġġiewi kien hemm is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Michael Piccinino, u d-Deputat Nazzjonalista fuq l-istess distrett elettorali, Ryan Callus.
Sadanittant dawk il-persuni, li ngħataw post ta’ akkomodazzjoni soċjali, spjegaw fil-Qorti, wieħed wara l-ieħor, li jittamaw li jibdew ħajja ġdida f’dawn il-postijiet li ngħataw mill-Gvern.
Raġel minn Għawdex qal li, minħabba li hu marid ħafna u qed jagħmel it-trattament tal-kanċer, kellu bżonn dan il-post biex joqgħod viċin uliedu li jgħixu f’Malta. Qal li għalih dan il-post kien essenzjali, għax ma jistax jitla’ taraġ u l-appartament il-ġdid se jkollu aċċess b’lift.
Mara oħra qalet li, minħabba sitwazzjoni difficli f’ħajjitha, ma tistax taħdem u qed tgħaddi biss bil-benefiċċji soċjali u għalhekk ma tistax tħallas kera fil-privat.
Single mother bi tlett itfal qalet li ma setgħetx tkompli toqgħod m’ommha, issa li t-tfal qed jikbru u ma kellhomx fejn jorqdu sew, filwaqt li single mother oħra ta’ żagħżugħ ta’ sittax-il sena qalet li kienet qed toqgħod f’appartament li għandu kamra tas-sodda waħda qabel ma ngħatat l-akkomodazzjoni soċjali.
Anzjan ieħor qal li bħalissa ma jiflaħx iħallas il-pensjoni u l-mara tiegħu għandha problema b’saqajha u ma tiflaħx tkompli titla’ ż-żewġ sulari taraġ biex titla’ fl-appartamenti li kienu jgħixu fih.
Uħud minn dawn il-persuni saħansitra kienu diġà joqogħdu fis-Siġġiewi anke qabel ingħataw il-post tal-akkomodazzjoni soċjali.
Il-kawżi jkomplu jinstemgħu bħal-lum ġimgħa.
Il-Partit Laburista se jkompli jitlob biex jintervjeni f’dawn il-kawżi ħalli jipproteġi d-dritt ta’ nies vulnerabbli li jivvotaw fil-lokalità fejn ingħataw l-akkomodazzjoni soċjali.