Il-Maġistrat Marseanne Farrugia reġgħet talbet estensjoni għat-terminu tal-inkjesta dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Maġistrat Farrugia talbet dan lill-Avukat Ġenerali hekk kif kostitwit bil-liġi li tagħmel din it-talba ta’ estensjoni ta’ sittin jum kull darba li titlob estensjoni.
Din mhux l-ewwel darba li l-Maġistrat Farrugia qed titlob estensjoni ta’ inkjesta li seba’ xhur u nofs wara l-każ għadha ma ġietx konkluża.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista biex jiddiskuti s-sitwazzjoni.
Il-Prim Ministru diġà kiteb darbtejn lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti biex il-Maġistrat Farrugia tagħmel ġustizzja mal-gravità tal-każ u tasal għall-konklużjonijiet tagħha billi tagħlaq l-inkjesta mingħajr aktar dewmien.
F’din l-ittra l-Prim Ministru nnota s-setgħat li għandu l-Prim Imħallef biex tiġi żġurata ħalli l-inkjesta tiġi konkluża u l-kors tal-ġustizzja jimxi ’l quddiem u kull min kien responsabbli għall-akkadut jitressaq quddiem il-ġustizzja.
“It-terminu statutorju li fih għandha inkjesta, skont il-Kodiċi Kriminali, skada bil-bosta u hu ta’ tħassib għall-Gvern u għall-Parlament li minkejja dan, ma hemm l-ebda indikazzjoni pubblika li din l-inkjesta qegħda tingħata prijorità”, kien kiteb il-Prim Ministru lill-Prim Imħallef il-ġimgħa l-oħra.
Sussegwentament, f’intervista mal-Maltatoday, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara b’mod ċar li kull minn anki jekk b’farka, ikkontribwixxa b’mod dirett jew indirett għall-akkadut, irid iħallas ta’ għemilu.
Hawn refa’ r-responsabbiltà li kemm il-darba l-inkjesta Maġisterjali ma tidħolx f’punti fejn hemm dubju, fosthom fuq allegat nuqqasijiet sistematiċi marbuta anki mal-allokazzjoni tal-art ta’ Kordin, fejn seħħ il-każ, se jara li ssir investigazzjoni biex tissarraf f’ġustizzja.