Id-deputat Kristy Debono se tkun qed tokkupa l-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista wara li għelbet lid-deputat Ċensu Galea b’16-il vot biss. Hija ġabet 638 vot waqt li Galea li kellu l-appoġġ tal-fazzjoni ta’ Busuttil u Said kiseb 622 vot.
Debono kienet fuq wieħed minn diversi block votes li bdew iduru fl-idejn fost il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista li llum ħarġu jivvotaw ukoll għall-membri tal-Eżekuttiv.
Debono, mart Jean Pierre Debono hija waħda mill-ftit deputati fil-grupp parlamentari li qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Kap Adrian Delia.
Fil-fatt hija kienet preżenti u indirizzat l-aħħar laqgħa li l-Kap Nazzjonalista għamel ġewwa l-każin ta’ Ħal Tarxien fejn fetħilha kontra d-deputati li qegħdin jopponuh fil-Grupp Parlamentari.
Huwa indirizza lil dawk preżenti bl-istess tonn u rabja li indirizza lil Daphne Caruana Galizia fil-kamp għall-ħatra ta’ kap meta sejħilha “biċċa blogger”.
Il-laqgħa tal-Ħamis f’Ħal Tarxien ħolqot diżgwid kbir wara li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li ma kienx mistieden għaliha u l-istess Ċensu Galea li s-Sibt spiċċa fuq in-naħa telliefa wara li ta’ Delia ħadmu qatigħ biex tiġi eletta Debono.