Il-maġġoranza taż-żgħażagħ ta’ bejn il-ħmistax u l-erbgħa u għoxrin sena huma l-aktar kategorija ta’ età li jridu jitgħallmu aktar u jtejbu l-ħiliet tagħhom.
Dan joħroġ mill-ewwel stħarriġ tax-xorta tiegħu dwar il-ħiliet f’pajjiżna, studju li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2022 u li ġie ppubblikat riċentament.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li aktar minn 53% tal-populazzjoni Maltija f’din il-kategorija ta’ età jridu jitgħallmu aktar.
Dan filwaqt li aktar minn 47% ta’ dawk li għandhom bejn l-ħamsa u għoxrin u erbgħa u erbgħin sena jridu jtejbu l-ħiliet tagħhom. Dawk li għandhom bejn il-ħamsa u erbgħin u l-erbgħa u sittin sena huma dawk li l-inqas li jridu jtejbu l-ħiliet tagħhom u jammontaw għal kważi 26%.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif 44% tal-populazzjoni ta’ dawk li jaħdmu jridu li jkollhom aktar għarfien u jtejbu l-ħiliet tagħhom, anki billi jattendu għal taħriġ.
Skont dan l-istħarriġ tal-NSO ħareġ li aktar minn mija u sittax-il elf persuna tal-popolazzjoni li taħdem f’pajjiżna jridu li jtejbu l-ħiliet tagħhom. Aktar minn tmienja u ħamsin elf huma rġiel, waqt li aktar minn sebgħa u ħamsin elf minnhom huma nisa.
Minn dan ir-rapport joħroġ ukoll kif dawk li jridu jagħmlu taħriġ biex itejbu l-ħiliet tagħhom huma l-professjonisti u wara hemm dawk il-ħaddiema li jagħtu servizz u anki tekniċi professjonali.