Kważi disgħin fil-mija ta’ tfal morda bil-lukimja u nisa b’kanċer tas-sider f’Malta qegħdin ifiequ minn din il-marda kiefra.
Sostna dan il-Professur Christian Scerri waqt konferenza li ttellgħet fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bit-tema ta’ din is-sena tindirizza l-esperjenza tal-pazjent tul l-istadji kollha ta’ trattament.
“Jekk tħares lejn cancers partikolari perezempju leukemia fost it-tfal u breastcancers fost in-nisa is-success rate titla għal 85% -87%.”
F’kumment ma’ One News, il-Professur Scerri spjega li dawn ċ-ċifri pożittivi qed jinkisbu bis-saħħa ta’ trattamenti avvanzati li pajjiżna qed jagħmel użu minnhom.
Fost dawn hemm dak imsejjaħ “Targeted Treatment.”
“Din hija trattament ta’ tumur mhux skond it-tumur mhux jekk għandekx breast jew colon imma skond ġewwa x’għandu ħażin u hemmek għandna trattamenti li jistgħu jittargetjawhom. Hemm trattament ukoll li Imuno Therapy li inti tuża ċ-ċelloli tiegħek stess kontra l-cancer.”
Il-Professur Scerri spjega li madwar id-dinja wieħed minn kull żewġ persuni taħt is-60 sena ikollu jħabbat wiċċu ma’ xi tip ta’ kanċer. Dan jonqos għal wieħed minn kull tliet persuni għal dawk li għandhom 60 sena jew aktar.
“S’issa dawk li twieldu qabel l-1961 kellhom riskju ta’ xi 1 in 3 illum jew dawk ta’ wara ta’ 1 in 2 li f’ħajjitna jkollna il-cancer. Ir-raġuni partikolari hija li aħna qed ngħixu iktar allura iktar ma tgħix iktar ikollok ir-riskju.”
Dan ifisser li f’pajjiżna madwar elfejn persuna fis-sena jimirdu b’kanċer. Huwa qal ukoll li erbgħin fil-mija tal-każijiet huma kollha prevedibbli għal stil ta’ ħajja tajba b’eżerċizzju fiżiku u ikel bnin.
“40% tal-cancers attwalment huma dawk il-cancers li jissejħu ‘avoidable cancers’ tista’ tevithom. Huma l-affarijiet li ħafna minnha nafu. It-tipjip, ix-xorb alkoħoliku, l-obesitá. Ma tantx in-nies idaħħlu l-obesitá li għandhom x’jaqsmu mal cancer. Nuqqas ta’ exercise u wkoll nuqqas ta’ ikel tajjeb.”
Għal din il-konferenza attendiet ukoll il-President Marie Louise Coleiro Preca. Hija faħħret lil dawk kollha li qed jaħdmu favur iktar titjib f’dan il-qasam u saħqet sabiex issir iktar riċerka.