Il-maġġoranza tas-sidien tan-negozji li ħadu sehem fi stħarriġ tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, jinsabu ottimisti għan-negozju tagħhom għal din is-sena.
Dan l-istħarriġ isir kull sena f’Jannar, b’madwar 250 parteċipant b’negozji minn kull qasam biex jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni reali.
Kif wieħed jistenna, il-bejgħ u l-inċertezza minħabba l-Covid-19 huma fost l-ikbar tħassib tan-negozji.
Is-sidien ġew mistoqsija ħafna affarijiet fejn tidħol il-Covid-19, u l-maġġoranza, 71%, huma favur li titnaqqas il-kwarantina u jkun hemm organizzazzjoni iktar ċara bejn ir-regoli tal-ivvjaġġar ta’ Malta u tal-kumplament ta’ pajjiżi Ewropej oħra.
Il-maġġoranza tas-sidien jaqblu wkoll li l-Covid-19 irridu nitgħallmu ngħixu bih.
Kważi 40% tas-sidien tan-negozji qalu li fl-2021, żiedu fuq il-bejgħ tas-sena ta’ qabel, u nnutaw ukoll iktar stabbiltà mill-2020.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif ħafna mis-sidien tan-negozji għandhom pjanijiet li jkabbru u jiddiversifikaw in-negozju tagħhom tul din is-sena.
Ġie nnutat ukoll kif diversi linji tal-ajru qed jerġgħu jżidu t-titjiriet tagħhom minn u lejn Malta għaliex qegħdin f’pożizzjoni li jħarsu ’l quddiem lejn l-irkupru tas-settur turistiku.
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji ppreżentat numru ta’ proposti li temmen li jistgħu jtejbu l-operat tan-negozji għal din is-sena.