Ir-rata ta’ kriminalità f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet, kienet l-inqas waħda fl-aħħar għaxar snin, u l-inqas fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena ras għal ras.
L-indikazzjonijiet għal din is-sena huma simili, minkejja li mistennija tkun irreġistrata żieda marġinali minħabba r-reati online.
Ħabbar dan f’intervista ma’ ONE News, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, fi tmiem sena oħra ta’ tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.
Dwar is-suġġett tal-kriminalità spjega kif kull sena, qed tiġi rreġistrata żieda kbira f’reati online, fejn jeżistu żewġ tipi ta’ reati.
L-ewwel wieħed huwa dak imsejjaħ computer-enabled crime.
Qal, “Tradizzjonalment konna nirċievu ittra d-dar li rbaħt lotterija. Illum m’għadniex nirċievu dawk l-ittri, illum nirċievu SMS, nirċievu e-mail, xi forma ta’ komunikazzjoni diġitali u dawk huma computer-enabled crime, u allura anki hemmhekk, dis-sena qed nesperjenzaw żieda sostanzjali f’dak li huwa online fraud.”
It-tieni tip ta’ reat online huwa l-computer dependent crime, fejn anki hawnhekk qed tiġi nnutata żieda sostanzjali.
Il-Kummissarju spjega li minkejja li l-Korp għandu tim ta’ analisti speċjalizzati li janalizzaw il-kriminalità online, hemm reati li ftit li xejn jista’ jsir dwarhom, ħlief li jinħarġu appelli biex jiżdied l-għarfien.
Fil-fatt, il-Korp kontinwament jippubblika twissijiet kontra messaġġi qarrieqa li jkunu qed jiċċirkolaw.
Qal, “Dawn huma individwi li jirrappurtaw hacking f’xi account tagħhom inkluż social media accounts. Dawn qed nesperjenzawhom on a daily basis u l-Pulizija hemmhekk ftit li xejn tista’ tagħmel biex tipprevjeni.”
Flimkien mar-reati online, numru sostanzjali tar-reati kriminali rrappurtati din is-sena kienu dwar vjolenza domestika; xi ħaġa li tirrifletti li iktar nies qed jagħmlu kuraġġ u jirrappurtaw.
Qal, “Dan huwa reat li, l-istess, ftit li xejn nistgħu nagħmlu biex nipprevjenuh u l-fatt li għandek diż-żieda tfisser li qed innaqqsu dik li qed tissejjaħ id-dark figure of crime – mela dan huwa reat li qed isir, kien qed isir, iżda forsi ma kienx qed jiġi rrappurtat daqstant.”
Fl-elfejn u għoxrin, il-Korp waqqaf skwadra speċjalizzata għal każijiet ta’ vjolenza domestika, li bdiet topera b’għoxrin ruħ, u llum tħaddem aktar minn sittin persuna.
Qal, “F’dik l-ewwel sena, rajna żieda ta’ 24% f’każijiet ta’ vjolenza domestika. Fl-2021 u fl-2022 rajna żidiet marġinali ta’ 5% u 6% u jidher li din is-sena ż-żieda ħa tkun ta’ madwar 15% fuq is-sena l-oħra.”
Il-Kummissarju qalilna kif l-edukazzjoni dwar x’inhi vjolenza domestika qed tiżdied u n-nies saru jirrappurtaw aktar, tant li ħamsa u sebgħin fil-mija tar-rapporti huma dwar vjolenza psikoloġika, li jfisser li ma tintuża l-ebda vjolenza fiżika, iżda jsiru atti bħal theddid u tgħajjir.
Id f’id mal-iskwadra speċjalizzata, fil-jiem li ġejjin se jinfetaħ l-ewwel hub speċjalizzat għall-vittmi tal-vjolenza domestika f’Santa Luċija, biex l-uffiċjali jkunu eqreb tal-komunità, f’ambjent aktar komdu.