Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji sostniet li l-maġġoranza tan-negozji jemmnu li l-andament tal-bejgħ ta’ żmien il-Milied se jkun aħjar minn tas-sena l-oħra.
Dan qalitu fi sfond ta’ studju li wettqet fost in-negozji li wera wkoll kif ix-xahar ta’ Novembru kien wieħed pożittiv għall-bejjiegħa tal-ħwienet.
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nnutat li bosta negozji raw andament pożittiv matul ix-xahar kollu flok fil-jum biss ta’ Black Friday, li din is-sena ġiet fis-sitta u għoxrin ta’ Novembru.
Fil-fatt intqal li bosta negozji kellhom offerti u skontijiet qabel il-jum proprju ta’ Black Friday u għalhekk dan il-fatt għamel ix-xahar kollu pożittiv flok ġurnata waħda.
Dan apparti li ġew evitati l-kjuwijiet u li jinġemgħu l-ġemgħat f’kuntest tal-importanza taż-żamma tad-distanza soċjali minħabba l-imxija.
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji qalet li bħala medja, in-negozji li marru aħjar fi Black Friday ta’ din is-sena mqabbel mas-sena l-oħra, żdiedet bi 30%.
Imbagħad ġie spjegat li l-biċċa l-kbira tan-negozji li wrew nuqqas ta’ sodisfazzjon fi Black Friday ta’ din is-sena kienu negozji mhux assoċjati ma’ dan il-jum u jbiegħu affarijiet essenzjali u mhux prodotti li n-nies ifittxu fi Black Friday.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo sostniet li dawn iċ-ċifri jħallu sens ta’ ottimiżmu għall-bejgħ ta’ żmien il-Milied iżda sostniet li jeħtieġ li n-negozji jibdew jirkupraw iżjed malajr mid-daqqa tal-pandemija.
Intqal li inqas negozji għażlu li ma jipparteċipawx fi Black Friday.