Kważi sittin fil-mija tal-persuni tad-diżabilità f’pajjiżna jħossu li s-servizzi li jingħataw huma tajbin.
Fost dawn is-servizzi hemm dak ta’ servizzi residenzjali, iċ-ċentri ta’ matul il-jum u dawk ta’ respite.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità flimkien mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.
Il-Kummissarju tal-Kummissjoni Samantha Pace Gasan qalet kif is-servizzi mogħtija għandhom dejjem jissaħħu iżda saħqet li dawk qed jingħataw iħarsu lejn l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità.
Qalet, “Ovvjament is-servizzi ta’ persuni b’diżabilità huma ċentrali għal ħajja indipendenti prattikament u allura huwa importanti li nieħdu pass lura u ngħidu isma qed isir investiment, imma x’inhu l-impatt li qed iħalli fuq il-persuni b’diżabilità.”
Ir-riċerkatur ta’ dan l-istħarriġ, Matthew Vassallo qal kif dan l-istħarriġ juri wkoll sfidi li jiltaqgħu magħhom dawn il-persuni, fosthom nuqqas ta’ riżorsi umani u hemm bżonn ta’ aktar nies jaħdmu f’dan is-settur.
Qal, “Però l-aktar waħda hija r-riżorsi umani u l-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur. Minħabba dan imbagħad jinħolqu barriers oħra bħal waiting lists, servizzi li ma jħallux mal-bżonn. Jiġifieri l-frekwenza tas-servizz mhiex tlaħħaq mal-bżonn biex dawn il-persuni jgħixu aktar b’mod inklussiv fis-soċjetà Maltija.”
Waqt dan is-seminar, tkellmet ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, li qalet kif il-Gvern jemmen li kulħadd għandu jkun inkluż fis-soċjetà u fil-Budget għas-sena d-dieħla ġie allokat l-akbar ammont ta’ fondi f’dan is-settur.