Fl-aħħar 24 siegħa, feġġew 17-il każ ġdid ta’ persuni infettati bil-Coronavirus f’pajjiżna minn fost 276 test.
7 minnhom kienu każijiet ta’ trażmissjoni lokali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li issa l-każijiet ta’ Coronavirus f’Malta telgħu għal 90.
Il-pazjenti kollha jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa, filwaqt li l-anzjan ta’ wieħed u sittin sena li qiegħed fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, jinsab f’qagħda stabbli.
Għaxra minn dawn is-17-il każ ġdid huma relatati ma’ safar.
Prof. Charmaine Gauci spjegat: “Kif qed taraw dawn dejjem qed jonqsu hekk kif għalaqna l-flights u allura mbagħad aħna l-istrateġija tagħna tibqa’ għaddejja biex inkomplu kemm jista’ jkun inaqqsu dawk il-każijiet ta’ trażmissjoni lokali.”
Il-każijiet li ġew trasmessi mis-safar jinvolvu tfajla Maltija ta’ 18-il sena u raġel Malti ta’ 73 sena li siefru l-Ingliterra.
Żewġ każijiet li huma relatati ma’ safar fl-Italja ta’ Fuq huma raġel Svediż ta’ 50 sena li jgħix Malta u Malti ta’ 22 sena.
Irriżulta fil-pożittiv ukoll tifel Unġeriż li jgħix Malta li kellu missieru l-Ungerija u aktarx ħa l-infezzjoni mingħandu.
Każijiet oħra li ħadu l-virus mis-safar huma ta’ Finlandiż ta’ 24 sena li jgħix Malta u li siefer Vjenna, Malti ta’ 51 sena li ġie mill-Marokk, u żewġ nisa Maltin ta’ 26 sena u 46 sena rispettivament li kellhom kuntatt ma’ persuni li rriżultaw fil-pożittiv. Ġiet infettata wkoll mara Maltija ta’ 55 sena.
Fis-seba’ każijiet ta’ trażmissjoni lokali hemm raġel Malti ta’ 27 sena li jaħdem fil-qasam tas-saħħa, Indjan ta’ tnejn u erbgħin sena li jaħdem Malta, Maltija ta’ tlieta u tletin sena, Maltija ta’ 53 sena u Maltija oħra ta’ 60 sena. Ħarġu wkoll pożittivi għall-Coronavirus raġel ta’ 74 sena u Somalu ta’ tmienja u għoxrin sena.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, il-Professur Charles Mallia Azzopardi, qal li l-maġġoranża tal-pazjenti nfettati bil-Coronavirus f’Malta qed juru sinjali ta’ fejqan.
Prof. Mallia Azzopardi spjega: “Il-maġġornaza tal-pazjenti s’issa għamlu improvement tajjeb jiġifieri li d-deni niżlilhom u issa qed nistennew biex nerġgħu nirrepetu t-testijiet biex nikkonfermaw li fiequ kompletmanet. Meta ngħidu fiequ kompletament hemm żewġ metodi jew imprucja b’tali mod li niżel d-deni u qed iħossu tajjeb jew inkella rridu nagħmlu t-test ta’ swabbs u virus.”
L-awtoritajiet tas-saħħa tennew l-appell biex ma jsirx ħruġ bla bżonn u biex jiġi evitat il-kuntatt man-nies.