Għat-tieni darba f’jumejn, il-maġġoranza ta’ passiġġieri li kienu qed jivvjaġġaw fuq titjira mill-Italja għall-Indja, ittestjaw pożittivi għall-Covid-19.
Fil-jum tal-Ġimgħa, 173 passiġġier minn 285 li kienu abbord titjira li kienet se toħodhom f’Amritsar minn Ruma, spiċċaw ittestjaw fil-pożittiv malli waslu fl-Indja.
Din l-aħbar waslet wara li l-Erbgħa aktar minn mitt persuna wkoll ittestjaw pożittiv wara li llandjaw f’Amritsar minn Milan.
Il-Ħamis, l-Italja rreġistrat numru rekord ta’ infezzjonijiet ġodda, liema numru jlaħħaq kważi 220,000.
Dan filwaqt li l-Indja rreġistrat aktar minn 100,000. L-esperti jemmnu li l-varjant Omicron huwa r-raġuni wara ż-żieda qawwija u f’daqqa ta’ infezzjonijiet ġodda fl-Indja.
Filfatt kienu bosta stati fl-Indja li introduċew miżuri stretti biex jimmitigaw il-firxa tal-Covid-19 madwar l-Indja fejn fost oħrajn għalqu l-iskejjel u l-universitajiet kollha.