Il-maġġoranza tal-Maltin iqisu li s-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż u l-qagħda finanzjarja fid-dar tagħhom hi waħda tajba. Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat fl-aħħar jiem.
Fl-istudju, li għalih ġew intervistati aktar minn 26,000 ċittadin Ewropew, 56% tal-Maltin qalu li s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż hi sodisfaċenti għalihom. Din ir-rata ta’ pajjiżna tiżboq sew dik tal-medja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, hekk kif din ġiet irreġistrata fil-livell ta’ 40%, differenza ta’ 16%.
Ir-rata Maltija taqbeż dik ta’ pajjiżi ferm akbar minna. Dan hekk kif, pereżempju, fil-Ġermanja r-rata hi ta’ 51%, fl-Italja 29% u fi Franza 27% jew kważi nofs dik tagħna.
Maġġoranza akbar tal-Maltin (69%) ukoll qed tantiċipa li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna se titjieb jew tibqa’ l-istess fis-sena li ġejja. Dan filwaqt li 73% qalu li s-sitwazzjoni tal-impjiegi f’pajjiżna se titjieb jew se tibqa’ tkun tajba kif inhi fit-12-il xahar li ġejjin.
Dwar il-qagħda finanzjarja tal-familji, mir-riżultati tal-istħarriġ joħroġ li kważi 80% tal-Maltin wieġbu li din hi waħda tajba. B’din ir-rata qawwija, pajjiżna jaqbeż ukoll il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fejn 70% tal-familji wieġbu l-istess.
Id-dejta għall-Ewrobarometru nġabret bejn Mejju u Ġunju li għaddew, fl-isfond li naqset bi ftit il-pressjoni tal-inflazzjoni internazzjonali, minħabba l-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-Gwerra fl-Ukrajna fil-Lvant tal-Ewropa. Din wasslet biex il-maġġoranza tal-prezzijiet tal-affarijiet bażiċi, bħall-ikel u x-xorb, jiżdiedu, waqt li l-kontijiet tad-dawl splodew kullimkien, bl-eċċezzjoni ta’ Malta.
Is-sena l-oħra u din is-sena, il-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, investa mal-biljun ewro bil-għan li l-prezzijiet tal-enerġija, tal-gass u tal-fuels, fost l-oħrajn, jibqgħu stabbli.
Dan fisser li l-kontijiet kollha relatati mal-enerġija baqgħu l-istess, bħalma kienu qabel ma bdiet il-Gwerra fl-Ukrajna, minn Frar tas-sena l-oħra.
L-Ewrobarometru tenna li 90% tal-poplu Malti jaqbel li għandu jkun hemm politika komuni Ewropea fis-settur tal-enerġija.
Meta mistoqsijin dwar x’livell ta’ fiduċja għandhom f’istituzzjonijiet partikolari, bħall-UE stess jew il-Gvern u l-Parlament Maltin, u kemm huma komdi li jafdawhom, il-persentaġġi favorevoli taċ-ċittadini lokali wkoll huma akbar mill-medja tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.