Kważi erbgħa minn kull ħames Maltin huma sodisfatti bil-miżuri li qed jieħu l-gvern Malti quddiem il-kriżi internazzjonali ta’ bħalissa.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar bejn Ġunju u Lulju li għadda, fl-eqqel tal-isfidi internazzjonali minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija li din ġabet magħha.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li 78 fil-mija tal-Maltin li pparteċipaw fl-istħarriġ wieġbu li huma sodisfatti bil-miżuri li ħa l-gvern Malti. Is-sitwazzjoni fil-pajjiżi Ewropej l-oħrajn hija waħda differenti, bil-medja Ewropea ta’ kemm iċ-ċittadini huma sodisfatti bil-miżuri tal-Gvern ta’ pajjiżhom tkun 55 fil-mija.
Waqt dan iż-żmien ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, il-gvern Malti ħa miżuri biex żamm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli. Il-Gvern qiegħed jilqa’ għall-piż taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija.
B’hekk, il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw mill-inqas elf u seba’ mitt ewro (€1,700) fis-sena f’kontijiet tad-dawl, gass, u fjuwils.
Minn dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ħareġ ukoll kważi 80 fil-mija tal-Maltin qalu li s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż tinsab tajba. F’dan il-każ, ir-rata ta’ pajjiżna tisboq sew lil dik tal-medja tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, li hija 34 fil-mija.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li s-sitwazzjoni finanzjarja fil-familji Maltin hija waħda b’saħħitha. Fil-fatt, 86 fil-mija tal-Maltin wieġbu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija tajba.
Minkejja l-isfidi internazzjonali li għaddejjin minnhom bħalissa, jirriżulta li l-Maltin huma l-aktar ottimisti mimm fost il-popli tas-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea. Kienu 46 fil-mija tal-Maltin li ħadu sehem fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru li wieġbu li kemmnu li se jkunu f’sitwazzjoni aħjar fi żmien sena.
Dan l-istħarriġ jgħid ukoll li kważi żewġ tal-Maltin jafdaw lill-Gvern Malti. Hawnhekk kien hemm żieda ta’ 16% fil-Gvern, meta mqabbel mal-istħarriġ tax-xitwa li għaddiet.
F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija f’Malta hija ta’ kważi 70 fil-mija. Hawnhekk kien hemm żieda ta’ 15 fil-mija, meta mqabbel mal-Ewrobarometru tax-xitwa.
Minn dan l-Ewrobarometru għas-sajf ħareġ ukoll li l-fiduċja fil-ġustizzja f’Malta żdiedet bi 15 fil-mija meta mqabbel max-xitwa li għaddiet.
Jirriżulta wkoll li l-Maltin huma l-aktar mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li qalu li l-affarijiet jinsabu mexjin fid-direzzjoni t-tajba. 70 fil-mija tal-Maltin li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li l-affarijiet jinsabu mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Hawnhekk, il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 27 fil-mija.
Minn dan l-Ewrobarometru għas-sajf ħareġ ukoll li 88 fil-mija tal-Maltin huma sodisfatti b’kif il-Gvern mexa waqt il-pandemija globali tal-Covid-19.