61% tal-Maltin jaqblu li l-ligi tal-unjoni ċivili tinbidel f’waħda ta’ żwieġ.
Żvela dan stħarriġ ta’ The Malta Independent li juri bidla sostanzjali fil-ħsieb fi żmien qasir wara li pajjiżna introduċa l-unjoni ċivili bejn koppji tal-istess sess sentejn ilu biss.
25% fil-mija biss tal-popolazzjoni huma kontra dan il-pass, 10.1% ma jinteressahomx u 3.7% ma jistgħux jiddeċiedu.
L-istħarriġ wera li dawk ta’ bejn it-18 u l-24 sena, huma kważi kollha favur dan il-pass. Aktar ma jikbru fl-etajiet, anqas kien hemm tweġibiet favur iż-żwieġ bejn l-omosesswali.
Mid-distretti kollha, kien id-disretti ta’ Għawdex lanqas favur din il-bidla.
Interessanti wkoll li dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvuttaw għall-Partit Laburista kienu fost l-aktar favur ta’ żwieġ bejn persuni gay. 70.1% ta’ dawk li vvuttaw lill-Partit Laburista wieġbu favur filwaqt li 52% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista kienu favur dan il-pass.
Il-liġi tal-Unjoni Ċivili kienet approvata mill-Parlament fl-14 ta’ April tal-2014 u minn dakinhar ‘l hawn kien hemm 92 unjoni ċivili fejn koppji tal-istess sess kellhom ir-rabta tagħhom rikonoxxuta.
Kien imbagħad fl-erbgħa ta’ Marzu li għadda, li l-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt attività mill-Għaqda Nisa Laburisti intitolata “What’s Next?”, kien iddikjara li hu favur żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Hu ddeskriva l-qagħda fil-pajjiż bħala li jinsab lest biex isir dibattitu simili.