Il-maġġoranza tal-poplazzjoni hija kontra li ssir lockdown biex tkun miġġielda l-imxija tal-Covid-19 hawn Malta. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-MaltaToday li kien ippubblikat il-Ħadd, li żvela wkoll li anke fis-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija, 53.3% tal-parteċipanti huma kontra lockdown, 37.6% huma favur, u ftit aktar minn 9% qalu li m’humiex ċerti.
L-istħarriġ sar fl-isfond ta’ żieda fil-każijiet attivi ta’ Covid-19, mhux biss f’Malta. Kien għalhekk li l-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa qablu fuq numru ta’ miżuri aktar stretti, fosthom l-użu obbligatorju tal-maskri kullmkien, u l-għeluq tal-bars u l-każini. Il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ ukoll għad-dixxiplina mill-pubbliku, biex dawn il-miżuri li ġew imposti jħallu l-frott mixtieq.
Il-MaltaToday innotat li l-aktar persuni li huma kontra lockdown huma dawk ta’ bejn it-36 u l-50 sena, li normalment huma persuni b’karriera u familja u anke responsabbiltajiet finanzjarji. Fil-fatt kważi 60% ta’ dawn huma kontra lockdown f’Malta, u terz biss jaħsbu li bħalissa din hija soluzzjoni.
52.5% tal-parteċipanti li għandhom bejn it-18 u l-35 sena wkoll huma kontra lockdown f’Malta, u 39.9% jemmnu li hemm bżonnha. Fl-istess ħin, 51.9% tal-parteċipanti li għandhom bejn il-51 u l-65 sena ma jaqblux mal-lockdown.
49.8% tal-anzjani li għandhom aktar minn 65 sena li taw sehem fl-istħarriġ huma wkoll kontra li ssir lockdown, u huma biss 36.6% li jaqblu. Il-MaltaToday innotat iżda li f’din il-faxxa ta’ persuni hemm ukoll l-ogħla persentaġġ ta’ persuni li mhumiex ċerti.
Il-MaltaToday studjat ukoll ir-reazzjoni tal-poplu għall-Budget imħabbar mill-Gvern għas-sena d-dieħla. Fil-fatt, meta mistoqsija kemm se jaffettwahom il-budget fuq skala minn wieħed sa’ għaxra, 42.5% tal-parteċipanti jemmnu li l-budget se jkollu impatt pożittiv ħafna fuq is-sitwazzjoni personali tagħhom u huma fl-ogħla kategorija. 45.7% għażlu t-tieni l-ogħla kategorija.
Mistoqsija dwar l-impatt tal-budget fuq il-pajjiż, 52.8% għażlu l-ogħla kategorija u 33.9% għażlu t-tieni l-ogħla kategorija. Kien innutat ukoll li 70.7% tal-persuni li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvotaw lill-Partit Nazzjonalista, jemmnu li dan il-budget se jkollu impatt pożittiv fuq il-ħajja personali tagħhom.