Is-Sindku Nazzjonalista tal-lokalità ta’ Ħal Għargħur, Helen Gauci, ġiet sfiduċjata mill-maġġoranza tal-kunsillieri wara mozzjoni li tressqet b’urġenza wara li din baqgħet tinjora diversi talbiet għal informazzjoni dwar nefqiet suspettużi u potenzjalment irregolari, fost l-oħrajn.
Waqt li anke l-Awditur Ġenerali ġibed l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni fit-tmexxija ta’ Ħal Għargħur, iż-żewġ kunsillieri Laburisti Mariah Meli u Christopher Fenech, flimkien mal-Viċi Sindku indipendenti Francesca Attard, li rriżenjat ftit ilu mill-PN, qatt ma ngħataw sodisfazzjon u baqgħu jinżammu fil-għama, fl-istess waqt kienu qed jintalbu japprovaw il-ħlasijiet, xahar wara xahar.
Kien għalhekk li, fl-aħħar jiem, it-tliet kunsillieri qablu li għandha titressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku.
Il-laqgħa, li saret b’urġenza l-Erbgħa filgħaxija fil-bini tal-Kunsill, kienet waħda mqanqla, inkluż b’għadd ta’ tgħajjir u theddid minn partitarji Nazzjonalisti fil-lokalità u s-Sindku uxxenti nnifisha, appena t-tliet kunsillieri vvotaw favur il-mozzjoni kontra Helen Gauci.
Issa l-Kunsill se jkun qed jitmexxa mill-Kunsilliera Laburista Mariah Meli, li għandha l-akbar għadd ta’ voti wara Helen Gauci.
Minkejja l-vot demokratiku, Gauci esprimiet ruħha kompletament kontra u ddeskriviet dan bħala serq u li “erġajna lura għat-tmeninijiet”, waqt li kompliet mal-għajjat u t-tgħajjir fis-sala. Hawn akkużat lil Meli, li kienet qegħda tisraq it-tmexxija tal-Kunsill.
Fost dawk li ħolqu l-kommossjoni sħiħa fis-sala tal-Kunsill bdew jgħajru bi kliem dispreġġjattiv u tgħajjir dirett kontra Mariah Meli.
Il-Viċi Sindku Francesca Attard, kienet spjegat fuq il-midja soċjali, li r-raġuni għar-riżenja tagħha minn kunsilliera tal-PN kienet l-amministrar ħażin ta’ siti storiċi fil-lokal, partikolarment il-Fortizza tal-Anċieritka u t-Torri tas-Semiforu.
Dwar dan tkellmet ukoll il-Kunsilliera Laburista Mariah Meli, li rrimarkat li s-Sindku qed tfittex li twieġeb b’konvenjenza u mhux b’konvinzjoni tal-ħsieb.
Fil-laqgħa l-Erbgħa waranofsinhar, is-Sindku l-ġdid innifisha spjegat li l-azzjoni tagħhom kienet neċessarja wara li, għal xhur sħaħ, ġew injorati mis-Sindku dwar l-infieq tal-fondi pubbliċi, kif kienet obbligata li tagħmel skont il-Liġi tal-Kunsilli Lokali.
Sadanittant, il-Partit Laburista ħareġ ukoll stqarrija fuq dan:
Il-Partit Laburista jirrispetta d-demokrazija u r-rieda tal-Kunsilliera ta’ Ħal Għargħur