Il-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin huma sodisfatti b’ħajjithom.
Dan ħareġ propju minn studju li għamlet il-kumpanija Novargo b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi.
L-istudju sar ma’ erbat elef, mija u ħamsa u tletin ħaddiem, fejn tlett elef, ħames mija u ħamsin risposta kienu validi.
Il-ħaddiema li pparteċipaw f’dan l-istudju huma ġejjin minn bosta oqsma, fosthom mill-edukazzjoni, mill-manifattura, mit-teknoloġija, mit-turiżmu, mill-kostruzzjoni u mis-servizzi finanzjarji.
Joshua Zammit, li ħadem fuq dan l-istudju qal ma’ ONE News kif il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema huma wkoll sodisfatti b’xogħolhom.
Qal, “Il-maġġoranza tal-ħaddiema, aħna kejjilna żewġ affarijiet is-sodisfazzjon bil-ħajja u s-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol, u f’dawn iż-żewġ variables li kejjilna ’l fuq minn 70% jgħidu li huma sodisfatti bil-ħajja li għandhom u ‘l fuq minn 45% jgħidu li għandhom livell ta’ Job Satisfaction għoli ħafna.”
Apparti dan, l-istudju wera li 77% tal-ħaddiema għandhom stat tajjeb ta’ saħħa mentali, bi 11% imbagħad qalu li għandhom stat ħażin ta’ saħħa mentali.
Ir-riċerka dettaljata trattat ukoll tliet fatturi importanti oħra.
Spjega, “Kejjilna is-saħħa mentali b’mod inġenerali kif ukoll tliet fatturi oħrajn, l-ansjetà, dipressjoni u anke stress li huma kollha variables importanti għal fuq il-post tax-xogħol u r-riċerka qed turina li għalkemm ma hemmx issues kbar ħafna imma hemm ċertu gruppi u pockets ta’ nies illi jista’ jkun ikollhom bżonn għajnuna professjonali.”
L-istatistika turi li fejn tidħol id-dipressjoni, tmienja u erbgħin fil-mija jaqgħu taħt in-norma, filwaqt li tlettax fil-mija wrew xi sintomi ta’ din il-problema. 7% imbagħad fittxew l-għajnuna m’għand nies professjonali.
L-ansjetà u l-istress huma l-aktar komuni fost il-ħaddiema Maltin, bi tlieta u għoxrin fil-mija kellhom bżonn għajnuna għal dan.
Il-pandemija wkoll kellha effett negattiv fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema.
Il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali Carmelo Abela qal kif għal dawk li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali, trid titqajjem kuxjenza u fl-istes waqt tissaħħaħ il-ħidma fuq is-suġġett.
Qal, “Hemm pockets ta’ ħaddiema li ma nistgħux nittraskuraw u allura rridu naħsbu għalihom ukoll. L-għajnuna li ta l-Gvern fi żmien pandemija, ċertament li saħħet il-kunfidenza tal-ħaddiema u żammithom fil-postijiet tax-xogħol u li ma għaddithomx minn tbatijiet ta’ saħħa mentali jew dipressjoni u ansjetà. Din hija importani fejn nafu issa li għaddejna sentejn ta’ pandemija.”