Il-maġġoranza assoluta tan-negozji fil-gżira Għawdxija qed jippjanaw li jżommu l-operat tagħhom għaddej tajjeb kif inhu bħalissa jew anke jkomplu jkabbruh.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Kamra għal-Kummerċ Għawdxija (GBC) dwar is-sentiment fost in-negozji Għawdxin, fejn instab li 96% fosthom qed jaraw żminijiet aktar sbieħ.
Dan l-istħarriġ sar fi żmien ta’ sfidi internazzjonali mingħajr preċedent, kawża tal-gwerra fl-Ukrajna, li wasslet għall-kriżi tal-enerġija u anke l-inflazzjoni, li fl-aħħar xhur għakksu lil diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Dan l-istudju sar fix-xhur li għaddew u ħareġ li kważi n-negozji kollha Għawdxin qalu li l-futur tal-ekonomija Għawdxija se tiddependi fuq l-ekonomija diġitali, l-ekonomija l-ħadra u t-turiżmu. Setturi li l-Gvern Malti diġà qed jinvesti miljuni miljuni kbar fihom.
Minn dan l-istħarriġ joħroġ ukoll li kważi 35% minn dawk li ġew intervistati esprimew ruħhom pożittivament dwar l-andament ekonomiku Għawdxi, waqt li kienu biss 14% li tennew li s-sentiment ekonomiku hu wieħed negattiv. Dan ifisser differenza pożittiva ta’ aktar minn 20%. Il-kumplament ma kellhomx fehma f’dan ir-rigward.
Minn dan l-istħarriġ tal-GBC ħareġ ukoll li l-maġġoranza assoluta tan-negozji Għawdxin iqisu li s-servizz tal-fast ferry hu essenzjali għall-gżira; b’dawn jammontaw għal 94%.
Ħareġ ukoll li fost l-isfidi li qed jiffaċċjaw in-negozji Għawdxin hemm ukoll il-problema internazzjonali ta’ nuqqas ta’ ħaddiema.