Il-maġġoranza tal-eżamijiet fl-Università ta’ Malta, li mistennija jsiru bejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar u fi Frar li ġej, mistennija jsiru online.
Dan tħabbar mill-Kunsill Studenti Universitarji fuq Facebook, fejn laqa’ din l-aħbar b’sodisfazzjon. Dan hekk kif anke dawk li jinsabu fi kwarantina issa wkoll jistgħu jagħmlu l-eżamijiet tagħhom.
Intant, l-Università ta’ Malta qed tħeġġeġ l-istudenti sabiex jieħdu d-doża tal-booster, sabiex il-lezzjonijiet jibqgħu jsiru b’mod fiżiku filwaqt li jieħdu ħsieb is-saħħa ta’ xulxin.
F’email li ntbagħtet lill-istudenti ntqal kif permezz ta’ arranġament mal-awtoritajiet tas-saħħa, bejn nhar it-Tlieta u l-Ħamis li ġej, parti miċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni se jkun qed jintuża għat-tilqim tal-istudenti biss.
L-appell huwa li l-istudenti li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena japplikaw fuq is-sit vaccin.gov.mt u jirċievu messaġġ bl-appuntament għal dawn it-tlett ijiem.