Art industrijali tal-Enemalta fil-Qajjenza se tjinbidel fi spazju ieħor miftuħ u aċċessibbli għall-pubbliku. Dan ifisser li 83% tas-sit jew iżjed minn 11,000 metru kwadru, li għal iżjed minn 50 sena kienu jintużaw biex jinħażen u jiġi bbottiljat l-gass LPG, se jkunu jistgħu jibdew jitgawdew mill-familji tal-akwati u kull min iżurhom.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-istess Enemalta, wara li l-pjanti għal dan il-proġett komunitarju ġew ippreżentati għall-analiżi tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Ippjanar.
Intqal li minħabba s-sinifikat storiku u arkitettoniku tiegħu, u kif mitlub mis-Supretendenza tal-Wirt Kulturali, il-kanupew eżistenti se jiġi rrestawrat u miżmum u se jkun parti miż-żona pubblika.
L-Enemalta qed tippjana wkoll li tinkludi żona ħadra u faċilità ta’ parkeġġ ġdid. Il-bqija taż-żona mistennija li jkollha użu mħallat għal skopijiet kummerċjali u tal-komunità.
Intqal li, bħala entità kummerċjali, l-Enemalta għandha responsabilità biex tissalvagwardja l-assi tagħha.
Ingħad li, biex jissaħħaħ l-involviment tal-komunità, hu previst li jiġu integrati uffiċini ġodda mmexxija mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa fuq l-istess sit.
ONE News żar dan l-impjant u tkellem mal-inġinier Ryan Fava, li hu ċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Enemalta, li spjegalna li jinsabu impenjati li jintlaħaq bilanċ bejn ir-responsabbiltà korporattiva u l-ħtiġijiet tal-komunità.
“Naturalment, din it-telqa li hawn f’dan il-post ħa tkun qed tinbidel f’xi ħaġa li ħa tkun ħafna aħjar u anke b’ambjent aħjar. Qed naraw ukoll li jkollna parkeġġ fejn se jkollu wkoll is-saqaf tiegħu ħa jkun ukoll għall-użu pubbliku, jiġifieri ħa jkun spazju miftuħ b’soft landscaping ukoll biex jkun jista’ jakkomoda mal-istess interess. Rajna wkoll l-użu tal-komunità li jkollha wkoll użu fl-istess uffiċini li għandna, jiġifieri mil-aspett ta’ kunsill lokali tkellimna wkoll u rajna li nkunu nistgħu wkoll nagħtu area allokata biex tkun tista tintuża mill-kunsill lokali.”
Inġ. Ryan Fava, Chairman Eżekuttiv, Enemalta