Studju li sar fost erba’ mitt ruħ mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji juri li l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi huma sodisfatti bil-polza tal-assigurazzjoni għal karozzi tagħhom.
Fil-fatt dan l-istħarriġ juri li disgħin fil-mija huma sodisfatti bis-servizz li jirċievu.
L-MFSA rrapurtat li wieħed u sittin fil-mija jixtru l-polza tal-assigrazzjoni direttament mill-kumpanija tal-assigurazzjoni.
Wieħed u għoxrin fil-mija oħra jagħmlu dan minn intermedjarji filwaqt li wieħed fil-mija biss jakkwistaw il-polza tal-assigurazzjoni online.
L-istħarriġ jinnota wkoll nuqqas ta’ għarfien fost il-konsumaturi dwar proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex iħarsu d-drittijiet tagħhom.
Fil-fatt ħamsa u ħamsin fil-mija ma qrawx it-termini u l-kundizzjonijiet tal-polza tal-vettura filwaqt li tnejn u għoxrin fil-mija ta’ dawk li qrawhom sabuhom diffiċli biex jifhmuhom.
Sitta u sittin fil-mija għandhom nuqqas ta’ għarfien dwar x’għandhom jagħmlu f’każ li ma jkunux sodisfatti bil-mod ta’ kif l-ilment tagħhom ġie trattat mill-kumpanija tal-assigurazzjoni.
L-istudju juri wkoll li l-prezz huwa l-iktar fattur determinanti meta wieħed jagħżel polza tal-assigurazzjoni tal-karozza, bIn-nisa jippreferu jixtru direttament mingħand kumpanija tal-assigurazzjoni, filwaqt li l-irġiel jippreferu jixtru mingħand intermedjarju tal-assigurazzjoni.
Fi stqarrija l-MFSA qalet li riżultat ta’ dan l-istħarriġ li sar f’Novembru li għadda, l-Awtorità qed teżamina punti sinjifikanti li ħarġu u se tindirizza ċertu nuqqasijiet indikati permezz ta’ kampanji edukattivi dwar prodotti tal-assigurazzjoni.