Il-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi tat-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF ma qablux mad-deċiżjoni li Malta titpoġġa fi proċedura ta’ iktar moniteraġġ fil-qasam finanzjarju.
Dan ġie rrappurtat fuq it-Times tal-Ħadd, li qalet kif sorsi qalu kif fl-aħħar ġimgħat, stati mill-FATF innutaw ir-riformi li wettaq pajjiżna fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja.
Iżda dan l-appoġġ minn dawn il-pajjiżi tmajna minħabba li l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja.
Intqal kif l-Amerka hija influwenti ħafna fi ħdan din l-istituzzjoni globali.
It-Times qalet kif sors fi ħdan l-FATF qal li l-istess FATF ma tieħux deċiżjoni bħal din ta’ Malta b’vot jew skont ir-rieda tal-maġġoranza, iżda d-deċiżjoni tittieħed bi qbil unanimu.
Intqal ukoll kif meta pajjiżi kbar ma jaqblux mal-maġġoranza, tgħaddi tagħhom xorta waħda.
Sors ieħor li tkellem mat-Times qal li d-deċiżjoni li Malta titpoġġa fi proċedura ta’ iktar moniteraġġ fil-qasam finanzjarju kienet aktar deċiżjoni politika milli eżerċizzju tekniku.
Intant il-gazzetti MaltaToday u l-Illum semmew l-aspett ta’ evażjoni tat-taxxa.
Il-MaltaToday qalet kif fl-2019, id-Dipartiment tat-Taxxa kien għad baqalu jiġbor aktar minn biljun ewro f’taxxi.
Intqal kif din il-problema ma bdietx issa, iżda ilha għaddejja għal għexiren ta’ snin.
Il-Malt Today qalet kif din id-deċiżjoni tal-FATF tista’ tkun waħda inġusta minħabba x-xogħol siewi li sar fl-aħħar tmintax-il xahar.
L-istess gazzetta qalet ukoll kif d-deċiżjoni tal-FATF ma kinitx ġusta minħabba l-progress li għamel pajjiżna mill-2019 sabiex isaħħaħ l-istituzzjonijiet biex jinvestigaw il-każijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Tal-istess fehma kien l-editorjal tal-gazzetta Illum li semma kif il-Gvern għamel riformi kbar fl-aħħar sena u nofs sabiex ikun miġġieled il-ħasil ta’ flus u l-evażjoni tat-taxxa, li dan kien rikonoxxut fir-rapport tal-Moneyval u l-FATF.
L-editorjal tal-Illum u anki l-Maltatoday imbagħad semmew kif Bernard Grech ma kienx ħallas eluf ta’ ewro dovuti f’taxxa.
“Biex tkompli tgħaxxaq il-Kap kurrenti tal-Partit Nazzjonalista kien investigat u mwissi mid-Dipartiment tat-Taxxi li ma ħallasx it-taxxa dovuta għal snin sħaħ, madwar 12-il sena u tella’ kont ta’ madwar €62,000 f’taxxa u VAT mhux imħallsa. Xi ħaġa li sirtu tafuha, mhux għax iddikjaraha hu, imma għax kixfitha din il-gazzetta!”, kiteb l-editur tal-Illum li żied jgħid li Bernard Grech mhux eżattament l-aktar persuna kredibbli fuq l-evażjoni tat-taxxa.
Intant, il-gazzetta KullĦadd ikkorreġġiet żball bażiku tal-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech, li semmiet li Malta hija l-ewwel stat membru li daħlet fil-lista l-griża iżda fil-verità dan mhux minnu.
Fil-fatt għaxar snin ilu il-Greċja tpoġġiet fi proċedura t’aktar moniteraġġ u t-territorju Ċiprijott-Tork ta’ Ċipru, li huwa parti mill-Unjoni Ewropea, wkoll kien iddaħħal f’din l-istess proċedura.
Minbarra hekk, 20 sena ilu, kienet ittieħdet azzjoni f’dan ir-rigward mill-FATF fil-konfront tal-Ungerija waqt li din kienet fil-proċess li tidħol fl-Unjoni Ewropea.