Minn informazzjoni ppubblikata fil-KullĦadd huwa mifhum li minn konsultazzjoni li saret mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni, il-maġġoranza assoluta huma favur li żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw għall-elezzjonijiet ġenerali u tal-Parlament Ewropew. Iżda l-istess konsultazzjoni rriżultat f’kawtela biex żgħażagħ jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali bil-possibbiltà li jiġu eletti Sindki.
Jekk din il-liġi biex iż-żgħażagħ jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet ukoll, kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Gvern, tgħaddi mill-Parlament, pajjiżna ser ikunu it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea li niżżel l-età tal-votazzjoni għal 16-il sena. Ilbieraħ kien hemm qbil fil-kumitat għax-xogħol tal-kamra li d-diskussjoni tibda dan ix-xahar.
L-Awstrija hija l-pajjiż l-ieħor li għandha l-età tal-votazzjoni ta’ 16-il sena. Il-Greċja sentejn ilu niżżlet l-età tal-votazzjoni għal 17-il sena, filwaqt li fil-Kroazja u fis-Slovenja żgħażagħ ta’ 16 jistgħu jivvutaw jekk jaħdmu biss u fl-Ungerija jekk ikunu miżżewġin. Skont ir-reġistru elettorali ta’ Ottubru 2016, jekk din l-inizjattiva tiġi introdotta, ser ikun hawn 8,500 ċittadin ieħor bid-dritt tal-vot.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli saħqet li dan hu “pass storiku f’pajjiżna.” “Hi mixja li meta nħarsu lura ngħidu kemm kienet importanti għaliex se tkompli ssaħħaħ is-sisien tad-demokrazija. Hu parti minn mekkaniżmu li se juri l-veru spirtu ta’ pajjiż li hu inklussiv f’kull aspett, u se jkompli jikkonferma li Malta hi pajjiż immexxi mir-rule of law … imsejjes fuq il-punt li jagħti aktar opportunità lil aktar nies biex jagħżlu lil min iridu jmexxi lil dan il-pajjiż. “Dan il-Gvern ma jibżax mill-ġudizzju tal-poplu u jemmen li dan hu l-pass li jmiss biex inkomplu nsaħħu d-demokrazija ta’ pajjiżna,” kompliet tisħaq Farrugia Portelli.
Kien dan il-Gvern li fl-2015 ta l-opportunità għall-ewwel darba lil min kellu 16 u 17-il sena biex jivvota fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. F’dawk l-elezzjonijiet minn 4,485 żgħażugħ li kienu eleġibbli, aktar minn 62% ivvutaw.
Mistoqsi dwar dan is-suġġett id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi, wera fiduċja sħiħa fil-proċess li għaddej għalkemm tenna li minkejja dak li wriet konsultazzjoni hu mhux konvint li n-nies konvinti mill-vot.
“Jien naħseb lanqas li jivvutaw m’għadhom konvinti n-nies, speċjalment fejn jidħlu l-elezzjoni ġenerali u l-MEPs. Imma l-Istat huwa importanti biex anke dak li mhux popolari jsir. Il-poplu b’mod ġenerali jara liż-żgħażagħ bħala storm and stress kif kien qal Stanley Hall – u li l-ħiliet taż-żgħażagħ ma jeżistux, anzi ħafna nies iqisuhom bħala mhux kapaċi jew mhux interessati. Iżda, dan mhux il-każ,” qal Azzopardi li tenna kif iż-żgħażagħ huma ta’ ħila inkredibbli, għandhom viżjoni, jafu xi jridu u m’għandhomx inibizzjonijiet.
“Ħadd ma emmen fiż-żgħażagħ kif ma emmnux li n-nies ta’ 18 għandhom jivvutaw jew li n nisa għandhom jivvutaw. Il-verità hija li hemm biża’ għax iż-żgħażagħ ma nistgħux nikkontrollawhom bir-remote control kif jiġri ħafna drabi fil-każ tal-adulti,” qal Azzopardi.
Il-konsultazzjoni pubblika iżda wriet ukoll tħassib biex żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jiġu mgħobbija bir-responsabbiltà ta’ Sindki. Jidher li anke studenti universitarji u ta’ istituzzjonijiet oħra esprimew dan it-tħassib. Dr. Jonathan Attard, konsulent legali fuq din ir-riforma qal li jekk il-pajjiż jiddeċiedi li jippermetti li Sindki jkollhom 16 u 17-il sena, irid ikun hemm bdil legali maġġuri fis-sistema tagħna. “Persuna li tkun għadha ma għalqitx 18-il sena, hija kkunsidrata bħala minuri li m’għandhiex il-kapaċità legali li tidħol f’kuntratti, u fuq kollox li hija suġġetta għall-awtorità tal-ġenituri. Jekk kemm-il darba persuna ta’ din l-età tiġi eletta bħala Sindku, il-liġi trid tipprovdi mekkaniżmu li jemanċipa lil din il-persuna biex tkun f’pożizzjoni taqdi l-funzjoni ta’ Sindku, li bħala kariga ġġorr ir-responsabbiltà legali tal-Kunsill. Wieħed però jrid iżomm quddiem għajnejh li t-tali emanċipazzjoni iġġorr konsegwenzi legali fuq il-minuri, inkluż dik li jkun espost legalment għal danni ċivili f’età daqshekk żgħira,” qal Attard.
Andrew Debattista, iċ-Chairperson tal-Vot 16, qal li apparti l-konsultazzjoni online, saret konsultazzjoni wkoll permezz ta’ laqgħat ma’ entitajiet u persuni li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam, qabel sar it-tfassil tal-liġi.
“Din il-liġi, nixtiequ li tkun waħda mill-ewwel liġijiet li tiġi diskussa fil-Parlament la jerġa’ jiftaħ fi ftit tal-jiem oħra, u hemm l-impenn tal-Prim Ministru biex iż-żgħażagħ jivvutaw għall-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew,” kompliet tispjega s-Segretarju Parlamentari .
“Nemmnu li ż-żgħażagħ se jkomplu jagħtu nifs ġdid lill-politika Maltija u għalhekk bdejna diskussjonijiet ukoll mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex l-għarfien tal-politika jkun inkluż fil-kurrikulu tal-edukazzjoni Maltija. Dan biex mhux biss nagħtu d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena, iżda jkun hemm livell ta’ preparazzjoni u għarfien qabel ma jiġi espress dan id-dritt,” kompliet tgħid Farruġia Portelli.