Fl-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru fost iċ-ċittadini Ewropej fil-pajjiżi rispettivi, jirriżulta li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk f’pajjiżna huma sodisfatti bil-mod kif taħdem id-demokrazija lokali, iżjed mill-aħħar ċiklu tal-istess stħarriġ.
Kif kien diġà rrapportat minn ONE News fl-aħħar ta’ Novembru li għadda, meta ħarġu l-ewwel riżultati mill-istess Ewrobarometru, il-fiduċja tal-Maltin fil-Gvern ukoll żdiedet u hi ferm iżjed mill-medja fl-Unjoni Ewropea.
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar fost aktar minn 26,000 persuna, sab li s-sodisfazzjon tal-Maltin dwar kif taħdem id-demokrazija jlaħħaq l-54%, waqt li kważi nofs iċ-ċittadini Maltin qalu li għandhom fiduċja fil-Gvern. Dan filwaqt li l-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hi ta’ tlieta u tletin fil-mija.
Dakinhar kien ġie rrapportat ukoll li disgħa u tmenin fil-mija ta’ dawk intervistati f’pajjiżna qalu li huma sodisfatti bil-ħajja tagħhom, bi tlieta u tmenin fil-mija jsostnu li l-affarijiet f’ħajjithom sejrin fid-direzzjoni t-tajba. Dan filwaqt li erbgħa u tmenin fil-mija tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom hi waħda tajba.
Minbarra hekk, 89% tal-Maltin u l-Għawdxin jistqarru li jħossu li għandhom rabta kbira ma’ art twelidhom.
Dan iċ-ċiklu tal-Ewrobarometru wkoll reġa’ afferma l-perċezzjonijiet pożittivi li għandna f’Malta dwar l-Unjoni Ewropea, fejn 40% kellhom opinjoni pożittiva ħafna jew pjuttost pożittiva, filwaqt li 10% esprimew in-negattività tagħhom.
Il-Maltin għadhom iħarsu lejn is-sħubija fl-UE minn lenti pożittiva, tant li l-maġġoranza tagħhom jemmnu li bis-saħħa tas-sħubija fl-UE, Malta qed tgawdi minn ħafna benefiċċji.