Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin, jiġifieri 89%, jikkunsidraw li l-industrija tal-films hija importanti għall-ekonomija u l-impjiegi f’Malta.
Dan ħareġ minn stħarriġ li kien ikkummissjonat għal Malta Film Commission, li sar f’Lulju u qiegħed f’idejn ONE News.
L-istess stħarriġ juri li 85% ta’ dawk mistħarġa jaqblu li l-pajjiż għandu jinvesti aktar fl-industrija tal-films, waqt il-maġġoranza jemmnu wkoll li l-industrija tal-films kibret sew f’dawn l-aħħar ħames snin.
Dwar is-settur tal-films irrappurtat ukoll il-gazzetta KullĦadd, fejn qalet li mill-bidu tas-sena s’issa seħħew 20 produzzjoni, bil-maġġoranza tagħhom Amerikani u Brittaniċi, b’baġit ta’ €60 miljun.
Fost oħrajn, dawn ħolqu mal-1,500 post tax-xogħol għall-Maltin.
Minn tagħrif li għandha f’idejha l-gazzetta KullĦadd irriżulta li mill-bida ta’ din is-sena diġà kien hemm b’kollox sitt produzzjonijiet Amerikani u Ingliżi, erbgħa oħra Maltin u produzzjoni kull wieħed mill-Italja, il-Kanada, l-Indja u l-Ġermanja.
Il-KullĦadd irrappurtat kif mill-aħħar ta’ dan ix-xahar se jibda l-ġbid ta’ serje televiżiva Ingliża, li mistenni jieħu sitt ġimgħat u se jinġibed f’Għawdex u f’Malta. Il-produzzjoni, li se tinvolvi mal-400 persuna bejn crew u extras, għandha baġit ta’ €3 miljun.
Dan hu parti mir-riżultat tal-investimenti kollha kbar li saru u għadhom isiru fil-faċilitajiet li joffru l-Malta Film Studios fil-Kalkara, bl-inċentivi qawwija offruti f’pajjiżna u l-promozzjonijiet kontinwi li jsiru barra minn xtutna.
Fost l-oħrajn, dawn wasslu biex illum din l-industrija saret niċċa mill-aktar importanti f’kontribuzzjonijiet għall-ekonomija nazzjonali.
Il-kobor tagħha llum hu rifless f’films, inklużi blockbusters ta’ Hollywood, li nħadmu fostna, fejn diretturi u produtturi kontinwament ifaħħru l-avvanzi li qed isiru.