Il-biċċa l-kbira tal-Maltin iħossu li l-Gvern tal-pajjiż qed jiġġieled il-korruzzjoni.
Dan skont studju ta’ Transparency International li ħareġ għal din is-sena għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
56% tal-Maltin wieġbu li l-Gvern qed jiġġieled il-korruzzjoni b’mod tajjeb kontra d-39% li ma jħossux li dan qed isir.
Imqabbel mal-medja Ewropea, kienu biss 43% tal-popli Ewropej li jħossu li l-Gvern ta’ pajjiżhom qed jiġġieled il-korruzzjoni.
Dan ifisser 13% inqas mill-poplu Malti.
Hawnhekk Malta qiegħda mal-pajjiżi ta’ fuq fejn tidħol l-azzjoni tal-awtoritajiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Fatt interessanti li joħroġ mill-istudju ta’ Transparency International huwa li Malta ġiet fit-tielet post f’dak li għandu x’jaqsam ma’ involviment taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet.
Fil-fatt kważi nofs iċ-ċittadini Maltin iħossu li l-Gvern jinvolvi lin-nies meta jieħu deċiżjonijiet.
Kienu biss l-Irlanda u l-Finlandja li qabżu lil Malta, bl-Irlanda tikseb biss perċentwal iktar minn pajjiżna.
Aktar minn tliet kwarti tal-Maltin, jiġifieri 77%, iħossu wkoll li ċittadini komuni jistgħu jagħmlu differenza fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Imqabbel ma’ pajjiżi oħra, dan huwa punteġġ għoli ferm.
Pereżempju inqas min-nofs, jiġifieri 47% tal-Ġermaniżi jemmnu dan u 50% biss tal-Finlandiżi jħossu l-istess.
Pajjiżna għandu wkoll rati baxxi fejn jidħol tixħim, fil-fatt ir-rata hija kważi n-nofs tal-medja Ewropea u anki r-rata hija baxxa fejn jidħol abbuż tal-poter permezz ta’ favuri sesswali.